L-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu, Fitch Ratings mill-ġdid reġgħet ikkonfermat ir-rating ta’ A+ bi prospetti stabbli għal pajjiżna.
Fir-rapport tagħha, l-esperti indipendenti qed ibassru li l-ekonomija Maltija se tibqa’ għaddejja b’saħħitha, hekk kif hu mistenni li tikber b’5.7%, sa tmien din is-sena. B’dan se jkun ferm aqwa mit-tkabbir ekonomiku fiż-Żona Ewro, li hu mistenni li jkun ta’ 0.8%.
L-esperti indipendenti li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd irrevedew ’il fuq ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku, kemm tas-sena d-dieħla u anki fl-2026.
“We have revised up our growth forecasts for 2025 and 2026 to 4.3% and 4.1%, given stronger carry over and higher potential growth estimates.”
Intqal li l-ekonomija Maltija qed tikber b’saħħitha grazzi għas-setturi tas-servizzi, is-settur finanzjarju u t-turiżmu. Dwar dan tal-aħħar ġie nnotat kif fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, it-turisti li ġew f’pajjiżna żdiedu bi 32%, meta mqabbel ma’ qabel il-pandemija.
Fitch Rating innotat ukoll li s-suq tax-xogħol f’pajjiżna hu b’saħħtu, waqt li l-qgħad jinsab fl-inqas livelli storiċi.
Dawn l-esperti indipendenti sostnew ukoll kif id-defiċit din is-sena mistenni jkun ta’ erbgħa fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross, waqt li jinżel nofs perċentwal kull sena fis-sentejn li ġejjin.
“We now project this year’s deficit at 4.0% of GDP, subsequently falling to 3.5% by 2025 and to 3.0% by 2026.”
Dwar dan ir-riżultat pożittiv ikkummenta l-Prim Ministru Robert Abela fuq il-pjattaforma soċjali X, fejn qal kif din l-aġenzija internazzjonali u indipendenti nnotat it-tkabbir ekonomiku b’saħħtu. Innota kif l-ekonomija Maltija mistennija tikber seba’ darbiet aktar miż-Żona Ewro.
Dr Abela saħaq li b’dawn ir-riżultati, il-Gvern jista’ jkompli jnaqqas it-taxxi u jżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli, waqt li jnaqqas id-defiċit.
Another A+ rating for Malta by Fitch on the basis of our “strong economic momentum” with growth projected at seven times the Euro area average. This will enable us to lower taxes and maintain energy subsidies while still reducing the deficit. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) September 14, 2024