L-aġenzija internazzjonali Fitch Ratings ikkonfermat il-credit rating ta’ Malta bħala A+ “stable”, dan wara li f’Awwissu li għadda kienet tat upgrade lil pajjiżna għall-ewwel darba f’għaxar snin.
Fir-rapport tagħhom, l-esperti ta’ Fitch Ratings qed ibassru li Malta se tkun għalqet is-sena li għaddiet bi tkabbir ekonomiku ta’ 7%. Dan meta sa’ sitt xhur qabel kienu qed ibassru tkabbir ta’ ftit iktar minn 4%. Din ir-reviżjoni ’l fuq tirrifletti andament aħjar milli mistenni fil-bilanċ tal-pagamenti internazzjonali ta’ pajjiżna.Għal din is-sena Fitch Ratings qed tbassar tkabbir ta’ 5.9% għal pajjiżna, kważi d-doppju tat-tkabbir osservat f’pajjiżi oħra b’rating simili għal pajjiżna. Sar-rapport preċedenti tagħhom, l-esperti ta’ Fitch Ratings kienu qed ibassru tkabbir ta’ 3.7% għal pajjizna fl-2018.
Ir-reviżjoni ’l fuq fit-tbassir kienet dovuta għal diversi fatturi. Fost l-oħrajn ir-rapport ta’ Fitch Ratings isostni li “domestic demand will remain strong with declining unemployment and increase in wages pushing up private consumption”, filwaqt li l-esportazzjoni, speċjalment ta’ servizzi, mistennija tkompli tirranka.
Anke l-aġenzija Fitch Ratings qed tbassar li l-Gvern mistenni jkollu surplus fil-finanzi pubbliċi ogħla minn dak previst fil-Budget li għadda. Ir-rapport jgħid li “the fiscal surplus is likely to outperform the government’s initial target of 0.6% of GDP in 2017 and is now estimated at 2% of GDP”. Fitch Ratings qed tbassar li din is-sena pajjiżna ser ikollu surplus ta’ 1.5% tal-ġid nazzjonali, imqabbel ma’ deficit ta’ 1.8% fil-pajjiżi b’rating simili għal dak ta’ Malta.
B’kuntrast għal dak li ssostni l-Oppożizzjoni, l-esperti ta’ Fitch Ratings jgħidu li t-titjib fil-finanzi pubbliċi huwa dovut għal bidliet strutturali. Fost l-oħrajn isemmu li l-ispiża soċjali hija taħt kontroll filwaqt li saru “savings from ongoing comprehensive spending reviews”. Għalhekk id-dejn nazzjonali huwa “on a firm downward trajectory supported by high nominal GDP growth and ongoing expected fiscal surpluses”, tant li sal-2019 mistenni jonqos għal 45% tal-ġid nazzjonali, kontra l-medja ta’ 47.5% fil-pajjiżi b’rating simili għal Malta.
Ir-rapport pożittiv ta’ Fitch Ratings juri kif pajjiżna mhux talli kiseb rating ogħla milli kellu fi snin preċedenti, imma issa saħansitra qed ikollu riżultati ekonomiċi u finanzjarji ferm aħjar minn dak ta’ pajjiżi bl-istess rating. Dan għandu jwassal għal iktar interess f’pajjiżna minn investituri barranin u b’hekk għal ekonomija iktar b’saħħitha għall-ġid tal-familji u n-negozji ta’ pajjiżna.
Permezz ta’ tweet il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat qal hekk;
. @FitchRatings revise upwards growth prospects for #Malta, expect the Maltese economy to grow in 2018 at twice the rate of similarly rated countries. Government seen outperforming its fiscal targets -JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) February 10, 2018