L-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu, Fitch Ratings ikkonfermat ir-rating ta’ A+ bi prospetti stabbli, għal pajjiżna.
Fir-rapport mill-esperti indipendenti ta’ Fitch, li ġie ppubblikat il-Ġimgħa filgħaxija, ġie spjegat kif dan ir-rating huwa sostnut minn dħul qawwi flimkien ma’ track record ta’ tkabbir ekonomiku b’saħħtu saħansitra sa minn qabel il-pandemija u tnaqqis fid-dejn pubbliku.
Fl-analiżi tagħhom Fitch irrimarkaw li l-Prodott Gross Domestiku mistenni jikber bi 3.5% fl-2022 biex b’hekk għalkemm ftit inqas minn dak proġettat xhur ilu, xorta jiżboq sew it-tkabbir proġettat għall medja Ewropea ta’ bejn 0.6% u 1.6%
Fitch iżidu kif l-akbar fattur wara t-tkabbir ekonomiku kien livell qawwi ta’ konsum u esportazzjoni. Isostnu li l-konsum privat huwa dovut għal żewġ fatturi – il-miżuri tal-Gvern li żammew il-prezz tal-enerġija stabbli kif ukoll it-tijib fil-pagi.
Il-qgħad ukoll laħaq ukoll minimu storiku.
Fitch tbassar ukoll li d-dejn pubbliku se jibqa’ relattivament stabbli tul din is-sena. Fil-fatt, il-piż tad-dejn pubbliku huwa mbassar li se jibqa sewwa taħt is-60% tal-ġid nazzjonali. Dan minkejja li Fitch ibassru li l-Gvern se jkun qiegħed iżid sewwa l-ispiża soċjali ħalli jkun ta’ għajnuna għall-familji.
Dwar il-qasam tas-saltna tad-dritt Fitch jikkonkludu wkoll li pajjiżna għandu Rule of Law effettiva u livell baxx ta’ korruzzjoni.
Despite a worsening global economy Fitch Ratings expect Malta to significantly outperform other A+ economies. Our stable energy policy is improving firms' competitiveness and is supporting household consumption. In the next budget we will continue furthering the common good. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) September 16, 2023
B’reazzjoni għal dan ir-rapport, il-Prim Ministru Robert Abela fuq Twitter sostna li minkejja sitwazzjoni ta’ ekonomija globali li sejra għall-agħar, pajjiżna xorta waħda qed imur aħjar minn ekonomiji oħra bl-istess rata ta’ klassifikazzjoni. Dr Abela sostna wkoll li l-politika ta’ dan il-Gvern b’rabta mal-qasam tal-enerġija qed iżżid il-kompettività tal-kumpaniji filwaqt li ssostni l-konsum tal-familji.
Il-Prim Ministru kkonkluda li fil-Baġit li jmiss dan il-Gvern se jibqa’ jibni fuq it-tajjeb li hemm favur il-ġid komuni.