L-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu, Fitch Ratings ikkonfermat ir-rating ta’ A+ bi prospetti stabbli, għal pajjiżna.
Fir-rapport tagħhom, l-esperti indipendenti ta’ Fitch attribwixxew dan ir-rating pożittiv għal numru ta’ fatturi differenti.
Fost oħrajn, dawn isemmu l-interventi tal-Gvern Malti biex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli quddiem l-inflazzjoni sostanzjali fil-qasam minħabba l-gwerra fl-Ukrajna.
L-esperti ta’ Fitch hawn jaċċennaw għan-nefqa tal-Gvern fl-2022 u anke fl-2023 u kif dan wassal biex l-inflazzjoni ġenerali tiġi kkontrollata.
B’rabta ma’ dan, l-esperti ta’ Fitch jinnutaw li t-tbassir għal aktar tkabbir ekonomiku li se jesperjenza pajjiżna fix-xhur li ġejjin flimkien mar-rilaxx ta’ aktar miżuri relatati ma’ għajnuniet minħabba l-pandemija, u reviżjoni komprensiva tan-nefqa tal-Gvern, se jagħmlu tajjeb għan-nefqa kbira f’dan il-qasam.
Fil-fatt, Fitch Ratings jinnutaw kif il-prodott domestiku gross din is-sena kiber b’6.3% wara tkabbir ta’ 10.3% fl-2021. Dan filwaqt li simili għat-tbassir ekonomiku għall-ħarifa mill-Kummissjoni Ewropea, l-esperti ta’ Fitch qed ibassru tkabbir ekonomiku ta’ 3.4% tul is-sena li ġejja.
Skond l-esperti indipendenti ta’ Fitch dan jiżboq bil-kbir it-tkabbir medju fiż-żona ewro li huwa ta’ -0.1%.
L-ewwel Budget ta’ Gvern Laburista għal din il-leġislatura, ukoll ma ħarabx l-għajn tal-esperti ta’ Fitch.
Fil-fatt, dawn jirreferu għal dan il-Budget bħala wieħed li jkompli jiffoka fuq aktar tkabbir.
Dan filwaqt li ġew innutati aktar miżuri soċjali fi ħdanu biex itaffu għaż-żidiet fl-għoli tal-ħajja fosthom iż-żieda kbira fil-COLA, żidiet fil-pensjonijiet u ċ-Children’s Allowance u l-ħruġ mill-ġdid taċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa.
Minkejja dan kollu Fitch Ratings jinnutaw kif id-deficit ta’ pajjiżna minn 7.8% fl-2021, fl-2022 dan niżel għal 5.8%, filwaqt li s-sena d-dieħla dan mistenni jkompli jinżel għal 5.2%.
Kien hawn li l-esperti ta’ Fitch aċċennaw għad-dejn tal-pajjiż li sal-aħħar tal-2021 dan laħaq ftit aktar minn 56%. Hawnhekk ġie mbassar li d-dejn tal-pajjiż se jitla’ sa ftit inqas minn 60% sal-2024 biex b’hekk iżomm mal-mira tal-Gvern li dan jibqa’ taħt is-60%.
Madankollu hawn Fitch Ratings sostnew li t-tkabbir ekonomiku mbassar għas-snin li ġejjin u l-probabbiltà tat-tneħħija tas-sussidji b’rabta mal-inflazzjoni fis-settur tal-enerġija wara l-2024 se jwassal biex jonqos d-dejn nazzjonali.
Ir-rapport ta’ Fitch jaċċenna wkoll għad-deċiżjoni tal-FATF li tneħħi lil Malta mil-lista l-griża f’Ġunju tal-2022. Hawnhekk jingħad kif il-fatt li pajjiżna dam biss sena fuq din il-lista u tneħħa minnha fi żmien rekord, illimita għal kollox riperkussjonijiet negattivi għall-ekonomija u s-settur bankarju ta’ pajjiżna.
L-esperti ta’ Fitch jinnutaw ukoll ir-reżiljenza tas-suq tax-xogħol f’pajjiżna quddiem l-isfida tal-pandemija u dik kurrenti fil-qasam tal-enerġija. Hawn ġie nnutat kif filwaqt li l-Gvern fil-pandemija provda assistenza kbira permezz tal-Covid Wage Supplement, il-fatt li issa dan ġie rtirat u ma kien hemm l-ebda impatt negattiv, ikompli juri s-saħħa tas-suq tax-xogħol ta’ pajjiżna.
Intant fuq Twitter, il-Prim Ministru Robert Abela nnota mill-ġdid b’sodisfazzjon dan ir-rapport minn Fitch Ratings.
Huwa aċċenna għall-fatt li l-esperti tal-aġenzija tal-kreditu internazzjonali, innutaw kif il-Budget għas-sena d-dieħla kien deskritt bħala ‘expansionary’, jiġifieri wieħed li jiffoka fuq tkabbir, b’diversi miżuri soċjali u li fl-istess ħin se jwassal biex pajjiżna ser ikollha fost l-inqas rata ta’ inflazzjoni fiż-żona Ewro.
Dr Abela temm jinnota kif Fitch Ratings qed jikkonfermaw kif dan huwa sostennibbli hekk kif il-Gvern qed ikompli jimbotta ‘l quddiem il-potenzjal ekonomiku ta’ pajjiżna.