L-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu, Fitch Ratings ikkonfermat ir-rating ta’ A+ bi prospetti stabbli, għal pajjiżna.
Dan minkejja l-impatt tal-pandemija, li qed iwassal biex din l-aġenzija tirrevedi ’l isfel il-klassifikazzjoni ta’ pajjiżna.
L-esperti ta’ din l-aġenzija mhux talli kkonfermaw ir-rating tajjeb ta’ pajjiżna imma saħansitra għażlu li jtejbu t-tbassir tagħhom għat-tkabbir ekonomiku ta’ Malta s-sena d-dieħla.
Fil-fatt, filwaqt li aktar kmieni din is-sena kienu qed ibassru li l-ekonomija Maltija se tikber bi tlieta punt disgħa fil-mija matul is-sena d-dieħla, issa qed ibassru tkabbir ta’ sitta punt wieħed fil-mija fl-elfejn u tnejn u għoxrin.
Għal din is-sena, l-esperti qed ibassru li l-ekonomija tagħna se tikber b’ħamsa punt sebgħa fil-mija.
Dan l-irkupru huwa dovut għal diversi fatturi. L-esperti jirrimarkaw li dak ewlieni huwa s-suċċess tal-programm ta’ tilqim li kellu pajjiżna.
Innutaw ukoll kemm baqa’ b’saħħtu s-suq tax-xogħol li qed iwassal għal livell tajjeb ta’ konsum u investiment.
Fi stqarrija, il-Gvern innota li għall-kuntrarju ta’ dak li jgħidu l-kelliema tal-Oppożizzjoni, li kontinwament isostnu li l-Gvern qed iberbaq il-flus u li s-sitwazzjoni fiskali mhix sostenibbli, l-esperti ta’ Fitch qed ibassru li d-defiċit din is-sena se jkun inqas milli qed ibassar il-Gvern.
Fil-fatt, għal darb oħra, l-esperti rrivedew ’l isfel it-tbassir tagħhom għad-defiċit għal din is-sena, primarjament minħabba li s-saħħa tal-irkupru ekonomiku qed ittejjeb ħafna d-dħul tal-Gvern.
Dwar l-inflazzjoni, ir-rapport ta’ Fitch jinnota li pajjiżna qed jirnexxielu jikkontrolla l-pressjonijiet li ġejjin mis-swieq internazzjonali speċjalment fejn jidħol il-prezz tal-fjuwil.
Ir-rapport ta’ Fitch jagħti wkoll ċertifikat pożittiv għall-pjan ta’ rkupru li ppreżenta l-Gvern Malta.
L-esperti ta’ Fitch innutaw ukoll li d-deċiżjoni tal-FATF ma ħallietx impatt fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna u rrimarkaw ukoll fuq il-ħidma tal-Gvern biex pajjiżna jagħmel progress f’dan il-qasam.
L-istqarrija tal-Gvern qalet li ċ-ċertifikat pożittiv li ngħata lil pajjiżna minn Fitch Ratings huwa konferma oħra tal-għaqal li bih tmexxew l-ekonomija u l-finanzi pubbliċi fi żmien ta’ sfida bla preċedent.
Fuq Twitter, il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ b’sodisfazzjon ir-reviżjoni ’l fuq tar-rating ta’ Fitch għal pajjiżna u semma wkoll ir-rimarki tal-esperti indipendenti li l-inflazzjoni se tibqa’ baxxa billi jiġu mnaqqsa t-taxxi tas-sisa fuq il-fjuwil għall-inqas livelli li tippermetti l-Unjoni Ewropea.