L-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu, Fitch Ratings, tejbet il-klassifikazzjoni tal-Bank of Valletta għal ‘BBB’ minn ‘BBB-’, bi prospettivi stabbli.
Fitch assenjat ukoll lill-BOV klassifikazzjoni ta’ ‘BBB+’ għad-depożiti f’terminu twil u sostniet li l-pożizzjoni tal-bank fis-suq domestiku ppermettiet li jkopri b’mod konsistenti l-opportunitajiet kummerċjali offruti minn ambjent operattiv tajjeb f’Malta, filwaqt li jżomm kwalità adegwata tal-assi.
Iċ-Chairperson u l-Kap Eżekuttiv tal-BOV, Gordon Cordina u Kenneth Farrugia rispettivament, esprimew is-sodisfazzjon għall-aħbar.
Fi kliem Fitch, l-istandards tal-BOV u l-linji-gwida tal-investiment jallineaw tajjeb mal-prattiċi tal-industrija globali, filwaqt li l-qafas tar-riskju kompla jissaħħaħ kif mistenni mill-awtoritajiet regolatorji.
Il-BOV għadu wkoll kemm ħabbar li l-2024 kienet waħda tar-rekords fir-riżultati tiegħu.