Skont l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu Fitch, Malta tkun waħda mill-aktar pajjiżi ekonomikament esposti jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea.
F’analiżi dwar il-futur tar-Renju Unit, jingħad li l-aktar pajjiżi esposti huma l-Irlanda, Malta, il-Belġu, l-Olanda, Ċipru u l-Lussemburgu, li lkoll jesportaw prodotti u servizzi lejn ir-Renju Unit li jammontaw għal mill-inqas 8% tal-Prodott Domestiku Gross.
Ir-rapport jgħid li ċertu pajjiżi jibbenefikaw jekk l-investiment dirett barrani ikun diversifikat mir-Renju Unit. Iżda Malta, il-Lussemburgu, il-Belġju u l-Ġermanja għandhom investiment dirett barrani ogħla minn pajjiżi oħra Ewropej u aktar assi finanzjarji fir-Renju Unit, allura jmorru ħażin jekk jinżel il-prezz tal-isterlina.
Is-setturi bankarji ta’ Malta, l-Irlanda, il-Lussemburgu, Spanja, Franza u l-Ġermanja għandhom rabtiet sinnifikament ikbar mar-Renju Unit, jgħidu Fitch, u dan huwa fattur ieħor li jista’ jolqot lil pajjiżna fil-laħam il-ħaj.