Li Fitch Ratings għolliet lil Malta wkoll ghal A+ huwa ċertifikat ta’ fiduċja li kulħadd għandu jkollu fl-ekonomija Maltija. Meta Moody, u Fitch jagħmlu l-analiżi tagħhom, ikunu attenti għax ma jridux joħorġu ta’ mażetta. Dan iċ-ċertifikat huwa għall-gvern. Ifisser li tista’ tafdah, u jekk kellek tixtri l-bonds tiegħu, serraħ rasek għax serju.
Tiskantawx jekk ngħidilkom li l-Italja, li suppost hija waħda mill-akbar pajjiżi bi żvilupp ekonomiku, ir-rating tagħha huwa ta’ BBB, jiġifieri anqas minn dak ta’ Malta.
Malta tinsab fl-istess kategorija bħal ma hija l-Irlanda u l-Israel. Dan il—pajjiż tal-aħħar dejjem ta’ min ikejjel miegħu, għar-raġuni sempliċi li l-Lhud għandhom tradizzjoni ta’ sekli kif jieħdu ħsieb il-flus, tagħhom u ta’ ħaddieħor.
Iċ-ċertifikat ta’ Fitch ifisser li lill-Istat Malta afdawh, l-istess daqs kemm tafdaw lill-Irlanda u lill-Israel. U Fitch ma joħorġux ċertifikat bl-addoċċ. Ifittxu u jgħidu dak li jsibu. Ma jirrispettaw wiċċ ħadd. U dak li jgħid għaliex bir-rigla tagħhom ikunu qabblu l-pajjiż li jkun ma’ dawk l-istandards. Għalhekk importanti wkoll dak li jgħidu bħala raġunijiet għala qed jaslu hemm.
Intqal li r-riżultati huma indikazzjoni ta’ rule of law b’saħħitha u gvern effettiv. Issa mbaghad erba’ mbuttati u jridu jagħmlu ħoss fil-Parlament Ewropew jiġu jgħidu li rule of law m’hawnx hawn Malta. Dan barra l-Maltin li jimbuttawhom biex il-barranin jitkellmu hekk.
Meta Fitch jagħtu ċertifikat bħal dak u jitkellmu fuq ir-rule of law, kull allegazzjoni li jkun hemm jidħlu fiha u jinvestigawha. U għandhom biżżejjed “għerf” biex jagħżlu bejn allegazzjonijiet, għajjat, tfiegħ ta’ tajn, u provi sodi ta’ nuqqas ta’ saltna tad-dritt u korruzzjoni.
Fejn hemm il-korruzzjoni ma hemmx satna tad-dritt.
Fitch, fittxew u ma sabu xejn x’jallarma. Għandu raġun Profs Edward Scicluna li jkun kuntent.