L-aġenzija internazzjonali tal-klassifikazzjoni tal-kreditu Fitch qalet li d-deċiżjoni li ħadet il-ġimgħa li għaddiet it-Task Force t’Azzjoni Finanzjarja, l-FATF mhux se jkollha impatt fuq ir-rating ta’ Malta.
Pajjiżna għandu rating A+ stabbli.
L-anqas fuq il-previżjonijiet għall-banek ma’ kien hemm bidla.
Fitch qalet li issa ħafna se jiddependi mir-rispons tal-awtoritajiet Maltin.
“L-effetività fir-rispons tal-awtoritajiet Maltin se jkun importanti,” qalet Fitch fi stqarrija ppublikata fl-istess ħin li l-Prim Ministru Robert Abela kien qed jiddiskuti dan ir-rispons mal-imsieħba soċjali fl-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD.
Fitch innotat id-dikjarazzjonijiet tal-Gvern Malti li jrid jintensifika r-riformi u dan kemm jista’ jkun malajr u rrimarkat ukoll kif f’Mejju l-Moneyval kien diġà mmarka il-progress sostanzjali li għamel pajjiżna mill-att tekniku.
“The Maltese authorities have said they will intensify their anti-money laundering efforts to achieve this as quickly as possible. In May 2021, the Council of Europe’s anti-money laundering body (MoneyVal) identified substantial progress in technical compliance.”
B’referenza għall-effetti ekonomiċi fuq xi pajjiżi oħra ta’ deċiżjoni simili tal-FATF, l-esperti ta’ Fitch, magħrufa li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd, qalu li l-effetti ekonomiċi kienu minimi.
Filwaqt li fil-każ ta’ pajjiżna jagħmlu referenza għas-settur bankarju, kien innotat kif l-awtoritajiet u l-banek Maltin kellhom il-ħin jaħdmu fuq pjanijiet ta’ kontinġenza.
“However, Malta’s banks and supervisory authorities have had more time to prepare contingency plan.”
L-istqarrija tal-esperti ta’ Fitch tingħaqad ma’ dik tad-DBRS, aġenzija oħra ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu li qalet li hi fiduċjuża li pajjiżna se jibqa’ għaddej bir-riformi.