L-Aġenzija tal-kreditu internazzjonali Fitch ikkonfermat il-credit rating ta’ Malta fil-livell ta’ A+ bi prospetti stabbli għall-ekonomija Maltija.
Kontra għal dak li qed tgħid l-Oppożizzjoni, l-ekonomisti tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni Fitch ikkonkludiet ukoll li s-settur bankarju f’Malta jinsab f’qagħda b’saħħitha.
L-ekonomisti ta’ Fitch laqgħu wkoll il-ħidma tal-Gvern fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali fejn permezz tal-investiment ta’ aktar minn €100 miljun, mistennija jimmoderaw il-prezzijiet tal-proprjeta f’pajjiżna.
L-aġenzija internazzjonali Fitch Ratings ikkonfermat il-credit rating ta’ Malta bħala A+ stable, dan wara li f’Awwissu ta’ sena ilu kienet tat upgrade lil pajjiżna għall-ewwel darba f’għaxar snin.
Fir-rapport tagħhom, l-esperti ta’ Fitch Ratings jikkonkludu li “the banking sector remains sound”, u li l-kwalità tal-assi tal-banek qed titjieb bi tnaqqis fid-djun li mhumiex jitħallsu lura. Ir-rapport jinnota li l-banek f’pajjiżna għandhom rata tajba ta’ kapital, filwaqt li d-djun qed jingħataw b’mod prudenti.
Fi stqarrija l-Gvern qal li b’kuntrast għal certu diskors li qed jitmexxa mill-Oppożizzjoni, l-esperti tal-Fitch Ratings jgħidu li l-prezzijiet tal-propjeta m’humiex ta’ riskju konsiderevoli, filwaqt li ż–żieda fil-provvista ta’ djar mistennija tnaqqas il-pressjoni fuq il-prezzijiet.
Aspett ieħor li jinnutaw l-esperti tal-Fitch hu li l-indikaturi tal-governanza għal pajjiżna, skont il-kejl tal-Bank Dinji, huma aħjar minn dawk f’pajjiżi b’rating ta’ A, u jitqabblu sewwa ma’ dawk ta’ pajjiżi b’rating ta’ AA, li, fi kliem sempliċi, ifisser li skont il-kejl tal-Bank Dinji l-kwalità tal-governanza f’pajjiżna hija ugwali għal dik fl-aktar pajjiżi avvanzati fid-dinja.
Fir-rapport tagħha, Fitch Ratings qed tbassar li, wara li s-sena li għaddiet il-Gvern kiseb surplusta’ 3.9% tal-ġid nazzjonali, anke din is-sena ser ikollu surplus. Il-gvern ser ikun qed iżid b’mod ferm qawwi l-ispiża kapitali, li parti sostanzjali minnha se tkun iffinanzjata minn fondi li ġejjin mill-programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment.
Il-Fitch Ratings qed tistenna li l-politika fiskali se tibqa’ prudenti u li l-qagħda tal-finanzi pubbliċi se tkompli tissoda, tant li l-esperti qed jistennew “a sustained downward trend in the gross general government debt/GDP ratio”. Il-piż tad-dejn nazzjonali mistenni li jonqos għal 40.9% tal-ġid nazzjonali fl-2020, u b’hekk ikun taħt il-medja storika tal-pajjiżi b’rating A.
Fitch tilqa’ l-fatt li l-piż tal-garanziji tal-gvern naqas sewwa wara t-tmiem tal-garanzija temporanja li kienet ngħatat lill-Electrogas.
Għal din is-sena, Fitch Ratings qed tbassar tkabbir ta’ 5.6% għal pajjiżna, li mistenni jwassal għal żieda fil-konsum u l-investiment. Ir-rapport ta’ Fitch Ratings jinnota tnaqqis qawwi fir-rata tal-qgħad, filwaqt li jgħid li “strong performance of the remote gaming, tourism and financial services sectors will support robust service exports”.
L-analiżi pożittiva ta’ Fitch Ratings tikkonferma l-fiduċja li teżisti f’pajjiżna u l-andament eċċellenti tal-ekonomija tagħna. Dan mistenni jwassal għal iktar interess f’pajjiżna minn investituri barranin u b’hekk għal ekonomija iktar b’saħħitha għall-ġid tal-familji u n-negozji.