Ċert li lkoll kemm aħna naqblu li l-industrija tat-turiżmu lilna l-Maltin daħkitilna bis-sħiħ. Dlonk jiġi f’moħħna d-dħul finanzjarju li t-turisti jħallu fil-kaxxa ta’ Malta kull sena. Mhemmx dubju li dan hu l-akbar mutur tal-ekonomija tagħna, li ma jmexxix biss dak li naqilgħu bis-saħħa tat-turisti imma joħloq eluf ta’ mpiegi għalina l-Maltin u l-Għawdxin u saħansitra għal għadd ġmielu ta’ barranin li jgħixu fostna.
It-turiżmu beda fis-seklu 16
It-turiżmu lejn Malta ma bediex il-bieraħ. Il-Kavallieri, kull seklu li qattgħu hawn, għamlu ħilithom biex jiġbdu mijiet ta’ vjaġġaturi li kienu jimxu mal-moda u jagħmlu l-Grand Tour tal-Mediterran. Qrib Sqallija u fi triqthom lejn il-Lvant eżotiku l-gżejjer Maltin kienu attrazzjoni kbira. Sa mis-seklu 16 għandna gwidi stampati ta’ vjaġġaturi jfaħħru l-kurżitajiet li kienu jiltaqgħu magħhom f’artna, fosthom l-għar ta’ San Pawl fir-Rabat bil-ġebel mirakuluż. Spiss kienu jsemmu l-ospitalità li tawhom l-awtoritajiet fostna, mhux l-ewwel darba l-Granmastru nnifsu.
Min kien jarana Franċizzati minħabba l-għadd kbir ta’ kavallieri residenti mit-tliet bereġ Franċiżi u min kien impressjonat bil-ħaddiema lokali, fil-biċċa l-kbira somor u ftit imbaċċa, li kellhom ħiliet straordinarji fit-tbaħħir, fin-negozju u fil-kommunika. Aktar ma għadda ż-żmien il-fama ta’ Malta kibret bir-rumanzi li bdew jitfaċċaw fl-Ewropa u li kienu jinsġu stejjer tal-bravuri romantiċi ta’ qlubija kavallereska. Inkitbu ġrajjiet, ikkomponew opri u saħansitra sar tiftix biex ipoġġu dal-gżejjer fuq il-mappa storika-arkejoloġika.
Min poġġiena fuq il-mappa
Fl-1731 l-Abbé Franċiż Prévost ippublika novella dwar il-Kavallier ta’ Malta imsejjaħ des Grieux li sar iħobb lil Manon Lescaut; il-ġrajja ttieħdet minn għadd ta’ kompożituri fosthom Massenet u aktar tard Giacomo Puccini. Fuq dil-ġrajja ħarġu xi ħames films, fosthom fl-1968 Manon 70 li fih ħadet sehem Catherine Deneuve. Studjużi Franċiżi stabillew l-Għar ta’ Kalipso f’Għawdex – kien hemm kwistjoni hux il-Mellieħa – kif ukoll is-sejba taċ-Cippus minn żmien it-tieni seklu qabel Kristu b’dedika lil Melqart u li fis-seklu 18 għenet lill-istudjuż Franċiż Barthélémy jiddeċifra l-ilsien Puniku. Ġiti fil-Mediterran komplew fis-seklu 19 b’diversi awturi jsemmu lil Malta b’nostalġija romantika fosthom Alexandre Dumas u ħafna aktar Jules Verne, biex ma nsemmux l-avventuri tal-Corto Maltese li skont l-awtur Belġjan Hugo Pratt twieled hawn, il-Belt Valletta.
Minn żmien l-Ingliżi l-aktar ħaġa li tatna mbuttatura kbira lejn it-turiżmu kienet it-Tieni Gwerra Dinjija u n-nies li xi darba kienu jaħdmu u jgħixu fostna. Dawn ġew lura għal btala u ġabu magħhom eluf ta’ Brittaniċi li saru jafu bina u bis-sehem tagħna fil-gwerra. Il-lingwa li ħallewlna tgħinna wkoll, kif jgħinuna t-tifkiriet viżwali (li jiżbqu lil tagħna) li turisti Ingliżi anzjani jaraw fihom speċi ta’ biċċa mill-Ingilterra li għosfrot (a pieċe of old England).
Swieq turistiċi ġodda
Tieħu gost tinnota li dawn l-aħħar 50 sena t-turiżmu dejjem kiseb suċċessi akbar; minn attrazzjoni sajfija ta’ xemx u baħar sirna magħrufin għal turiżmu s-sena kollha b’avvenimenti kulturali divertenti li jiġbdu l-eluf. Fuq kollox qed nattiraw dejjem iżjed turisti ta’ kwalità li jfittxu wkoll x’jorbotna mal-istorja, mal-ġawhar tal-imgħoddi: Żmien il-Ħaġar, il-Bronż imma fuq kollox il-Barokk li jimmarkana bil-qawwa impressjonanti tiegħu b’wirt il-Kavallieri. Din id-diversifikazzjoni miexja ġmielha. Biżżejjed tħares lejn id-destinazzjonijiet tal-ajru li nfetħu dan l-aħħar biex tintebaħ.
Kważi nistgħu ngħidu wkoll li t-turiżmu fetħilna moħħna. Sa għexiren ta’ snin ilu konna kollha bojod u Kattoliċi bil-baħrin Ingliżi fostna – bjondi, bin-nemex u Protestanti. Illum dan kollu għeb. Hawn minn kull kulur u minn kullimkien. Hawn Insara u Musulmani, fost oħrajn. Skont l-aħħar statistika San Pawl il-Baħar – attrazzjoni turistika qadima – sar simbolikament xbieha ta’ dak li sirna llum bit-taħlit kontinwu ta’ turisti, residenti barranin u emigranti. Fil-fatt huma l-ewwel fl-għadd ta’ trabi li twieldu s-sena l-oħra. Inbdilna, sirna esposti għal kull tip ta’ lingwa, kultura, karattru. Biżżejjed titla’ fuq karozza tal-linja minn Buġibba jew tas-Sliema biex tinsa li tgħix fi gżira żgħira maqtugħa bil-baħar.
Ħruġ ir-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea ġabna wiċċ imb’wiċċ ma’ realtà oħra. Mhux bilfors jibqgħu jiġu l-istess ammonti ta’ Brittaniċi – fl-istess waqt it-turist nostalġiku qed jikber fl-età u jonqos. Ma ngħidx li se jonqsu sew mil-lum għal għada iżda kif tkellmu ferm tajjeb l-awtoritajiet governattivi u privati, fit-turiżmu tajjeb niddiversifikaw. Tajjeb nattiraw oħrajn minn pajjiżi oħra, imqar biex narmaw għal meta pajjiżi oħra fil-Mediterran jiġu f’tagħhom wara t-terroriżmu li tahom daqqa ta’ ħarta bħala destinazzjoni. Malta bħalissa hi l-uniku destinazzjoni turistika fil-baħar tal-Mediterran li mhix f’xi lista biex tevitaha minħabba t-terroriżmu (ara l-mappa). Jalla nibqgħu hekk fit-tul.
X’nistgħu noffru iżjed?
Mezz kif inkattru l-attrazzjonijiet tagħna hu li naraw x’nistgħu noffru iżjed. Fil-qasam kulturali qed isir sforz enormi. L-avvenimenti kibru u l-2018 għandha tkun l-akbar vetrina kulturali li se nkunu tellajna; imbuttatura li għandha tħalli ġid kbir. Imma dejjem jifdal naraw liema tip ta’ turist ta’ kwalità nistgħu nattiraw iżjed.
Minħabba li sirna esperti tas-suq Ingliż – birra, xemx u baħar – forsi rridu nistudjaw iżjed is-suq Franċiż, Ġermaniż, Taljan, Spanjol barra dak Skandinav, Russu u ‘l bogħod iżjed. Kif semmejt hawn fuq għad fadal ħwejjeġ li ġa jinsabu fostna u ma nagħtux każhom; qbiżnihom għax ma ħassejniex il-bżonn jew għax konna nafu iżjed l-oħrajn.
Korsika jaduraw lill-eroj lokali tagħhom Pascal Paoli; mhux daqstant lil Napuljun Bonaparti għax dan aktar hu eroj tal-Franċiżi fuq l-art ferma. Imma dan l-aħħar intebħu li Napuljun jattira t-turisti probabbli ħafna aktar minn Paoli u bdew kampanja sħiħa biex jimbuttaw lil dak li twieled Korsika u sar Imperatur tal-Ewropa. Aħna kif jaf kulħadd lil Napuljun irmejnih; turistikament m’għandniex ħlief bust fl-uffiċċju tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin li ma jistax idaħħal lil kull min irid jarah. Hemm ħafna x’isir – fejn niżel missier Eliżabetta u Eliżabetta II mfakkar id-dwana, kif għandu jkun, iżda Bonaparti le. Imma hemm ħafna iżjed: il-maltempata li esperjenza Jules Verne San Pawl il-Baħar u li kiteb dwarha fir-rumanz Mathias Sandorf; xi tifkira ħelwa li tgħid lill-Belġjani u lill-Franċiżi fejn twieled Corto Maltese (fl-istħajjil) il-Belt Valletta. L-opra tal-Kavallier ta’ Malta li semmejt, Nicolò Isouard li fis-sena 2018 jagħlaq mitejn sena mejjet u Dolomieu (għal min issemmew il-Dolomiti) li bena l-aqwa osservatorju astronomiku fis-seklu 18 biex jistudja l-kwiekeb minn sema bla sħab Malti, fil-Palazz il-Belt.
Dawn ftit biss – hemm ferm iżjed li jistgħu jaqbdu swieq li qajla tajna każhom fl-imgħoddi. F’dinja fejn kulħadd jagħmel li jaqbillu – bħalma għamlu l-Brittaniċi fir-referendum ftit ġimgħat ilu – ma tantx tista’ tibqa’ lura.
Fir-ritratt tal-ġimgħa qed nurikom mappa li dehret f’Mejju li għadda fl-Express, gazzetta Ingliża li turi lil Malta bħala l-unika destinazzjoni sigura fil-Mediterran.