Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena il-Fond Konsolidat kellu defiċit ta’ €92 miljun ewro.
Dan huwa l-aqwa riżultat għall-ewwel nofs tas-sena fil-Fond Konsolidat osservat mill-2006.
Filwaqt li fl-2016 kollu kemm hu, pajjizna kellu surplus, fl-ewwel sitt xhur ta’ dik is-sena kien hemm żbilanċ ta’ €111-il miljun.
Dan ifisser li meta mqabbel mas-sena l-oħra sa issa din is-sena kien hemm titjib ta’ €19-il miljun ewro.
Fl-istess perjodu fl-2012 kien hemm defiċit ta’ €284 miljun. B’hekk mill-bidla fil-Gvern twettaq titjib ta’ €192 miljun ewro fil-Fond Konsolidat.
Id-dħul tal-Gvern fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena kien €62 miljun aktar minn sena ilu.
Aktar minn nofs ta’ din iż-żieda kienet dovuta għal dħul ogħla minn fondi Ewropej. Barra minn hekk kien hemm żidiet fid-dħul mit-taxxi, evidenza ta’ kemm l-ekonomija qed tikber.
Fost oħrajn kien hemm żieda ta’ €13-il miljun mit-taxxa tad-dħul, ta’ €43 miljun mill-VAT u €19-il miljun mill-bolla.
Imqabbel mal-aħħar sena ta’ Gvern preċedenti, id-dħul tal-Gvern huwa €625 miljun aktar, jew 52% akbar.
Dan kien xprunat l-iktar minn żieda fid-dħul mill-income tax, minkejja li r-rata tat-taxxa tnaqset f’kull Budget taħt l-amministrazzjoni li għaddiet. Dan huwa sinjal ta’ kemm qed jiżdied id-dħul tal-familji u negozji u iktar nies qed jaħdmu.
Anke d-dejn pubbliku qed ikun ikkontrollat tant li l-ispiża fuq imgħaxxijiet fuq id-dejn pubbliku naqset b’sitt miljuni fl-ewwel nofs ta’ din is-sena.