L-istaġun tal-futbol Għawdxi 2023/2024 organizat mill-Gozo Football Association ser jiftaħ il-Ħadd 3 ta’ Settembru bil-finali tal-GFA Super Cup. Il-logħba li ser issir fil-Gozo Stadium u li tibda fis-6:00pm, ser tkun kontestata bejn iċ-ċampjns Nadur Youngsters u Għajnsielem li kienu finalisti telliefa tal-aħħar edizzjoni tal-BOV GFA Cup kontra l-istess Nadur Youngsters.
Din il-logħba hija ripetizzjoni tal-finali tal-istess kompettizzjoni fil-bidu tal-istaġun li għadda fejn Għajnsielem kienu ssorprendew lil Nadur biex il-Blacks rebħu l-unika unur tal-futbol Għawdxi fl-aħħar żewġ staġuni li ma kienx mirbuħ minn Nadur Youngsters.
Nadur Youngsters jibdew favoriti li jerġgħu jkunu ċampjins għat-tielet staġun konsekutiv tal-BOV Gozo Football League tal-ewwel diviżjoni li jibda b’logħbiet mill-ewwel ġurnata matul il-ġimgħa ta’ wara.
Nadur Youngsters, li f’dan l-istaġun ser ikunu mmexxija mill-kowċ Elton Vella, jista jkollhom sfida mit-tim immexxi mill-kowċ Shaun Bajada Qala Saints, li fl-istaġun li għadda spiċċaw fit-tieni post, kif ukoll minn Kerċem Ajax li f’dan l-istaġun ser ikollhom lil Michael Vella bħala kowċ. Xewkija Tigers qed jipruvaw jikonsolidaw it-tajjeb li kisbu fl-istaġun li għadda bit-tmexxija tal-kowċ Daniel Bogdanovic u jistgu jkunu fost l-isfidanti għall-unuri, filwaqt li Għajnsielem u Oratory Youths mistennija li jipruvaw jiksbu post komdu f’nofs il-klassifika. Iż-żewġ timijiet promossi SK Victoria Wanderers, li ser jkollhom lil Mark Buttigieg lura fit-tim bħala kowċ wara diversi snin, u Xagħra United jibdew dan l-istaġun b’ambizzjonijiet li jissorpendu lil timijiet aktar kwotati u jevitaw li jkunu man-naħa t’isfel fil-klassifika.
F’dan l-istaġun il-kampjonat tal-futbol Għawdxi BOV Gozo Football League tal-ewwel diviżjoni ser jiritorna għal format ta’ qabel billi t-tmien timijiet ser jilgħabu kontra xullxin fi tlett rawnds. L-ewwel logħba tal-kampjonat ser tkun bejn Oratory Youths u SK Victoria Wanderers u ser issir fil-Gozo Stadium il-Ħamis 7 ta’ Settembru u tibda fis-6:30pm.
Il-logħbiet l-oħra mill-ewwel ġurnata, li ser jsiru ukoll fil-Gozo Stadium bejn il-Ħadd 10 ta’ Settembru u t-Tnejn 11 ta’ Settembru, jkunu Nadur Youngsters kontra Ghajnsielem, Kercem Ajax kontra Xewkija Tigers, u Xaghra United kontra Qala Saints.
Intant, is-sitt timijiet tat-tieni diviżjoni tal-futbol Għawdxi ser jibdew l-istaġun bl-impenji fil-kompetizzjoni Challenge Cup tat-tieni diviżjoni. It-timijiet ser jilgħabu kontra xulxin f’rawnd wieħed u l-ewwel żewġ timijiet fil-klassifika jikwalifikaw għall-finali ta’ din il-kompetizzjoni. L-ewwel logħbiet ser jsiru fil-Kerċem Stadium is-Sibt 9 ta’ Settembru fejn Sannat Lions jilgħabu kontra Gharb Rangers, u Zebbug Rovers jilgħabu kontra Victoria Hotspurs. Il-logħba l-oħra issir it-Tlieta 12 ta’ Settembru bejn St Lawrence Spurs u Munxar Falcons.
Il-kampjonat BOV Gozo Football League tat-tieni diviżjoni jibda f’Ottubru.