Fit-tieni jum taż-żjara statali fil-Kroazja, il-President ta’ Malta Dr George Vella ltaqa’ mal-Prim Ministru Kroat Andrej Plenković u anke l-Ispeaker tal-Parlament Kroat Gordan Jandroković.
Il-President ta’ Malta tkellem fuq numru ta’ kwistjonijiet mal-Prim Ministru Plenković fosthom dwar id-dimensjoni Mediterranja taż-żewġ pajjiżi, it-tibdil fil-klima u anke l-immigrazzjoni.
Iż-żewġ naħat tkellmu wkoll dwar il-pandemija u x’miżuri ttieħdu miż-żewġ pajjiżi biex itaffu l-effetti li ħalliet fuq iċ-ċittadini, il-pjan ta’ rkupru u anke dwar il-proċess tat-tilqim kontra l-virus.
Fuq l-aġenda kien hemm ukoll l-andament ekonomiku taż-żewġ pajjiżi u t-triq ’il quddiem għas-sena d-dieħla.
Għal din il-laqgħa, il-President George Vella kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Innovazzjoni u r-Riċerka Owen Bonnici, li flimkien mal-Ministru għax-Xjenza u l-Edukazzjoni Kroat ippreżentaw informazzjoni dwar koperazzjoni futura fl-oqsma tal-innovazzjoni u r-riċerka, bil-ħsieb li jiġi ffirmat ftehim bilaterali.
Il-laqgħa mal-Ispeaker Jandroković segwiet dik ta’ mal-Prim Ministru Kroat.
Matulha ġew diskussi wkoll kwistjonijiet komuni bilaterali u internazzjonali fosthom it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, l-istabbiltà fl-Afrika ta’ Fuq u fl-Afganistan.
Il-President tkellem ukoll dwar l-importanza tad-demokrazija parlamentari filwaqt li esprima t-twemmin sod tiegħu fil-benefiċċji tagħha bħala għodda li tagħti spazju għall-għarfien dwar relazzjonijiet internazzjonali.
Impenn uffiċjali ieħor kien żjara fil-fortizza tal-belt il-qadima ta’ Varaždin.
Il-President u s-Sinjura Vella ġew milqugħa mis-Sindku, l-Isqof u l-Vigarju Ġenerali tad-Djoċesi tal-belt.