Fit-tieni dibattitu tal-Awtorità tax-Xandir spikkat il-ħarsa lejn il-ġejjieni mill-kandidati Laburisti u n-negattività u t-tmaqdir fuq anki affarijiet ta’ ġid għas-soċjetà mir-rappreżentanti li bagħat il-Partit Nazzjonalista.
Il-Ministru Byron Camilleri semma kif il-pensjonanti raw il-ġid f’pajjiżna.
Qal, “U jgħiduli bi kburija, juruk iċ-ċekk tal-pensjoni tagħhom u jgħiduli, wara ħafna snin li ċ-ċekk tal-pensjoni tiegħi kien friżat illum qed nurik b’sodisfazzjon kif il-pensjoni tiegħi żdidiet. U bl-istess mod li żidna l-pensjonijiet, hekk ser nerġgħu nagħmlu matul il-ħames snin li ġejjin. Ħmistax-il ewro żieda fil-pensjoni li tfisser żieda ta’ elfejn ewro fis-sena fil-pensjoni tagħkom.”
Fuq il-pensjonijiet, il-kandidat Nazzjonalista Ivan Bartolo kellu jiddefendi proposta li biha l-Partit Nazzjonalista jrid jitfa’ l-piż tal-finanzjament tal-pensjonijiet, jiġifieri l-bolla, fuq is-settur privat.
Id-Deputat Laburista Jonathan Attard innota kif Bernard Grech iwiegħed bit-terms and conditions bħal biex jagħtik xi ħaġa dejjem hemm l-imma.
Qal, “In-negozji tagħna jafu li dak li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista fil-manifest jew fid-diversi verżjonijiet tal-manifest tiegħu huma kollha formoli li huma suġġetti għal dawk li huma termini u kundizzjonijiet. Bil-possibilità li wara l-elezzjoni jgħidulhom milli għidna m’hemm xejn. Kif kienu għamlu meta wegħdu li se jnaqqsu l-income tax u kellu jkun Gvern Laburista ġdid li mhux biss onora l-wegħda tal-income tax imma kompla jżid fuqha. Mal-Partit Nazzjonalista dejjem hemm l-imma.”
Fid-dibattitu spikkaw ukoll rimarki dwar kif esponenti tal-Oppożizzjoni għamlu snin jinfexxu f’xulxin.
Qal, “Ħela l-ħames snin li għaddew f’mozzjonijiet ta’ fiduċja. Prim Ministru li wera’ leadership qawwi u Kap tal-Oppożizzjoni illi mmexxi minn dawk tal-politika tal-bieraħ.”
Il-firda fil-partit ta’ Bernard Grech kompliet tiġi esposta.
Qal, “Jiena ndur fuqek Ivan, il-Partit Nazzjonalista fridtuh, Malta mhux ser tifirduha. Deputati fostkom, joħroġ deputat Mario Galea u jgħidilkom kif għamiltulu l-ħajja tiegħu miżerja. M’aħniex ser inħallukom tagħmlu l-ħajja miżerja tal-poplu Malti u Għawdxi.”
Imbagħad fid-dibattitu spikkat in-negattività fuq anki l-aktar affarijiet ta’ ġid għal familji.
Qalet, “Dan l-aħħar smajna li ħa jitqassmu ċ-ċekkijiet ukoll għax ġejja l-elezzjoni, dak mhuwiex ġid. Nitkellmu fuq il-ġid mentri jiena nistaqsi, fejn hu l-ġid?”
Għal dawn id-dikjarazzjonijiet wieġeb b’saħħtu l-Ministru Camilleri.
Qal, “Il-kollegi tiegħi hawnhekk, tal-Partit Nazzjonalista staqsewna “Fejn hu l-ġid?”. Saqsu lil pensjonanti fejn hu l-ġid, li raw il-pensjoni tagħhom tiżdied darba wara oħra. Saqsu lil dawk il-ħaddiema li ma tkeċċewx mill-impjieg tagħhom għaliex tajna l-‘wage supplement’. Saqsu lin-negozji li ġew salvati għaliex tajna l-għajnuna li kien hemm bżonn. Saqsu lil dawk kollha li esperjenzaw investiment kapitali massiċ bla preċedent f’pajjiżna anki fi żmien ta’ pandemija. Saqsu lill-istudenti li għal darba wara oħra gawdew minn tisħiħ fl-istipendju u hekk ser nerġgħu nagħmlu meta ningħataw il-fiduċja.”