Fit-tbatija hemm it-tama.
Hekk qaltilna Bella Mifsud, mara li ftit aktar minn sentejn ilu, tilfet lil żewġha wara vjaġġ xejn feliċi jiġġieled tip ta’ kanċer rari magħruf bħala Hodgkin’s Lymphoma.
F’jum sinonimu mat-tbatija, tkellimna ma’ Bella dwar l-imrar tal-ħajja li daqet fl-aħħar ftit snin.
Ħaditna lura għall-ġurnata meta ħajjitha nqalbet ta’ taħt fuq. Kien is-Sibt meta żewġha Jesmond mar id-dar kmieni u qalilha li ġej it-tabib, għaliex il-boċċa li kellu taħt idu kienet qed tweġġgħu.
Dakinhar beda vjaġġ ta’ testijiet u żjarat l-isptar.
F’Marzu tal-elfejn u sbatax, Jesmond – missier ta’ żewġt itfal u nannu ta’ tlieta, ħa l-aħbar li għandu kanċer.
Qalet, “Dak il-ħin tippanikkja. Konna jien, ir-raġel u t-tifel. It-tifel ma fehemx, beda jgħidli li fhimtu ħażin. Aħna ħadna xokk kbir, tħoss id-dinja se taqa’ fuqek.”
Minn dakinhar bdiet triq twila mimlija emozzjonijiet, speċjalment ansjetà u inċertezza.
Qalet, “Hu kien jgħix ħajja normali. Jiena lbist ftit maskri. Biex nipprova nagħmel kuraġġ lilu u ma xtaqtx nitfa ċertu responsabbiltà żejda fuq it-tfal għax kienu għadhom se jibdew il-ħajja miżżewġa allura ppruvajt nerfa’ r-responsabbiltà jiena.”
Wara tliet xhur l-Ingilterra għall-kura fl-appartamenti ta’ Puttinu Cares, Jesmond kien qed jistenna r-riżultati ta’ xi testijiet oħra.
Bella spjegat kif fl-istess jum li marru ċ-Ċentru tal-Onkoloġija għar-riżultat, il-mara ta’ wieħed minn uliedhom daħlet l-isptar biex twelled. Binhom l-ieħor kien jonqsu sitt ġimgħat biex jiżżewweġ. Dakinhar ħadu l-aħbar li jrid jerġa’ jitla’ l-Ingilterra għall-kura.
Qalet, “Iddeċidejna fil-kuritur, għax imbagħad ċemplilna t-tifel biex jara kif bqajna, għidnielu li se ngħidulu d-dar u qalilna biex immorru ħdejhom. Mill-Oncology imxejna għall-Maternity Ward però ddeċidejna fil-kuritur li nżommu kollox għalina u lit-tfal ma ngħidulhom xejn sakemm Douglas jifraħ bil-baby u Clint jiżżewweġ.”
Jesmond miet fis-sittax ta’ Jannar tal-elfejn u għoxrin fl-età ta’ ħamsa u ħamsin sena.
Dik is-sena mmarkat it-tmienja u tletin anniversarju miż-żwieġ ta’ Bella u Jesmond. Tmienja u tletin sena ta’ mumenti u avventuri.
Illum, Bella tgħid li l-isbaħ mumenti ma’ żewġha kienu dawk tat-twelid tat-tfal, iżda ssemmi episodju partikolari li mhi se tinsa qatt fit-tieġ ta’ binhom.
Qalet, “Marru jagħmlu xi ħaġa fis-sala fejn kien se jiżżewweġ u ġie lura. Jien kont nipprepara biex immur nagħmel xagħri u beka bikja mhux ta’ tarbija, kbira. Jien għidtlu x’inti tagħmel? Qalli le ħallini għax qed nibki bil-ferħ. Kienet espressjoni sabiħa wisq.”
Bella tiddeskrivi lil żewġha bħala raġel ferrieħi mimli enerġija li kien idawwal kull fejn ikun.
Qalet, “Nimmissjah ħafna għax filli jkun miegħek id-dar, filli sempliċiment tiftaħ il-bieb u ma ssib lil ħadd. Iebsa tkun waħdek, it-tfal miżżewġin għandhom il-familji tagħhom. Nimmissjah fl-inqas ħaġa għax qabel anki kien ikun fis-salott u nkun qed nagħmel xi ħaġa, jgħajjatli biex immur ħdejh ħames minuti. Kont ngħidlu ħallini għandi x’nagħmel. Jiddispjaċini llum, regret, għal dawk il-ħames minuti li ma kontx immur ħdejh meta kien jgħajjatli.”
Bella u Jesmond kienu jgħinu lill-koppji fit-tħejjija għaż-żwieġ fil-korsijiet ta’ Ta’ Kana.
Qalet li kull koppja tgħaddi minn żminijiet diffiċli, speċjalment fiż-żwieġ, imma appellat biex ħadd ma jaħli l-ħin fi ġlied fil-vojt għaliex il-ħajja qasira wisq.
U minkejja x-xewqa li żewġha jfieq, li sfaxxat fix-xejn, Bella xorta tgħid li fit-tbatija hemm it-tama.
Qalet, “Batejt ħafna però llum iżommuni biss il-memorji u l-imħabba li kellu għalija. Niftakar f’dawk, I keep going. Nieħu n-nifs għax niftakar li hekk iridni, nieħu n-nifs, u għat-tfal u għan-neputijiet.”