Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal se jagħmel għall-ewwel darba, laqgħa ta’ informazzjoni dwar il-benefiċċji soċjali u l-pensjonijiet.
Dan biex isservi ta’ pjattaforma ta’ informazzjoni, fi sfond ta’ żidiet imħabbra fil-baġit, kemm fil-pensjonijiet u anki f’benefiċċji oħrajn, li jkomplu jsaħħu l-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin, anki fi żminijiet ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent.
Hawnhekk wieħed jista’ jistaqsi dwar dawn l-inizjattivi soċjali.
ONE News tkellem mal-Ministru Michael Falzon dwar din il-laqgħa.
“Hawnhekk qed immorru biex naraw direttament, niltaqgħu man-nies direttament u naraw x’jistgħu jkollhom bżonn jew forsi anke naraw fejn nistgħu nagħmlu xi ħaġa differenti ’l quddiem. Hija prova, naraw kif immorru, imma jekk naraw għatx għal dawn it-tip ta’ laqgħat, ma niddejqu xejn nagħmlu iktar.”
Din il-laqgħa se ssir nhar il-Ġimgħa tmienja ta’ Marzu fis-sitta ta’ filgħaxija fil-Lukanda Urban Valley f’San Ġwann.
Wieħed jista’ jibbukkja post billi jċempel fuq in-numru 25903010 jew 99783734.