L-Aġenzija Heritage Malta ħabbret li fit-30 ta’ April waqt l-ispettaklu tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar waqt li l-Forti Sant’Anġlu se jkun miftuħ għall-pubbliku.
Il-viżitaturi jistgħu jagħtu bidu għal lejla rilassanti b’mixja madwar il-forti, li għandu storja li tmur lura mill-inqas 800 sena. Se jkunu miftuħin il-partijiet kollha tal-forti ħlief in-naħa ta’ fuq, li hi amministrata mill-Ordni Sovran u Militari ta’ Malta. Se jkun hemm għall-bejgħ inbid u ikel ħafif.
Dawk li jixtiequ jgawdu din l-esperjenza għandhom jixtru l-biljetti minn qabel. Il-prezzijiet tad-dħul huma €12 għall-adulti, €8 għall-membri ta’ Heritage Malta u €5 għat-tfal. Il-biljetti jistgħu jiġu akkwistati minn kwalunkwe mużew jew sit ta’ Heritage Malta, jew inkella online minn hawn: https://heritagemalta.mt/store/e1171/. Il-forti se jkun miftuħ mis-19:30 ’il quddiem.
Matul il-weekend twil mis-Sibt 29 ta’ April sat-Tnejn 1 ta’ Mejju, il-Forti Sant’Anġlu se jkun qed jilqa’ fih ukoll l-avveniment eċċitanti bl-isem Castrum Maris – The Marquisate of Malta, mimli rappreżentazzjonijiet storiċi li juru kif kienet il-ħajja fi żmien ir-Re Martinu I ta’ Sqallija. Gabillotti, nissieġa, ħajjata, kursara, ħaddieda, falkunieri, negozjanti u nies imħarrġin fis-sengħa tażżebgħa tad-drapp u l-manifattura tal-imtieraħ se jkunu fost dawk li jilqgħu lill-viżitaturi. Se ssir ukoll rappreżentazzjoni ta’ assedju fit-15:00 s-Sibt, il-Ħadd u t-Tnejn.
Il-ħinijiet tal-ftuħ ikunu mill-10:00 sas-18:00, bl-aħħar dħul fil-17:30. Il-biljetti jinxtraw biss mill-bieb. L-adulti jħallsu l-prezz normali tad-dħul, filwaqt li l-membri ta’ Heritage Malta u t-tfal jidħlu b’xejn.