It-3 ta’ Frar tas-sena d-dieħla hija d-data li ġiet ikkonfermata biex il-mexxejja kollha Ewropej jiltaqgħu f’pajjiżna għal diskussjoni dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea.
Kien il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk li, matul laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat aktar kmieni dan ix-xahar, fisser lil Malta bħala l-pajjiż bl-aħjar kapaċitajiet biex jidħol għal din ir-responsabbilità li jagħti spinta ‘l quddiem lill-aġenda ġdida Ewropea f’mument fejn għaddejja minnha perjodu ta’ riflessjoni bil-għan li jittieħdu deċiżjonijiet meħtieġa fi żmien stipulat.
Din id-diskussjoni bdiet il-ġimgħa li għaddiet fi Bratislava, fi stqarrija l-Gvern spjega li Malta se tkun il-pajjiż li minnu tibda tiġi implimentata din l-idea Ewropea li tagħfas fuq is-suq waħdieni li joħloq ix-xogħol, u l-element soċjali li jagħti kwalità ta’ ħajja.
Dan se jkun it-tieni Summit fuq livell Ewropew li jiġi organiżżat f’pajjiżna wara dak bejn il-Mexxejja Ewropej u l-Mexxejja Afrikani fil-Valletta Summit ta’ Novembru li għadda.