Matul is-sitt xhur li ġejjin tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jeħtieġ li jintlaħaq ftehim dwar il-politika komuni tal-ażil.
Kien dan il-messaġġ ewlieni tal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela waqt żjara fl-Awstrija lill-Ministru għall-Intern tal-Awstrija Wolfgang Sobotka u l-Kummissarju Ewropew Awstrijak Johannes Hahn, li hu inkarigat mill-European Neighbourhood Policy. F’din iż-żjara ġew diskussa l-immigrazzjoni u l-impatt tan-Neighbourhood Pol
Il-Ministru Abela rrimarka li għal Malta l-ewwel tas-sena din id-darba ma tatx biss il-bidu ta’ sena ġdida imma wkoll il-bidu tal-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea. Il-Ministru sostna li bħala l-president kurrenti Malta temmen li fis-sitwazzjoni preżenti tal-immigrazzjoni jeħtieġ li jkun hemm kompromess bejn l-Istati Membri tal-UE sabiex tkompli titfassal it-triq ’il quddiem.
Il-Ministru Abela tenna li Malta se tagħmel dak li tista’ biex jintlaħaq dan il-kompromess, imma li dan jiddependi wkoll mill-Istati Membri infushom li jaċċettaw il-qbil li se jkun propost. Element importanti f’dan il-qbil huwa wkoll kif l-Unjoni l-Ewropea tista’ tkun aktar effettiva fir-ritorn ta’ immigranti li ma jikkwalifikawx għall-ażil, aktar u aktar minħabba li fil-maġġoranza tagħhom ikunu bla dokumenti.
Punt ieħor diskuss kien il-bżonn li jkun hemm ftehim u arranġamenti ma’ pajjiżi terzi biex l-immigrazzjoni tiġi indirizzata aħjar. Il-Ministru Abela qal li l-fatt li Malta għal numru ta’ snin se tkun l-unika pajjiż fil-Mediterran li se jkollu t-tmexxija tal-Presidenza jkompli jpoġġi aktar urġenza biex dan il-qbil iseħħ.
Il-Ministru Sobotka u l-Kummissarju Hahn awguraw lill-Ministru Abela u lill-Gvern Malti suċċess fix-sitt xhur tal-Presidenza bit-tama li jinkisbu riżultati tajbin.