L-Għaqda Dinija għas-Saħħa tellgħet il-livell ta’ riskju tal-Coronavirus fl-ogħla livell.
Dan wara li l-virus kompla jinxtered b’ritmu mgħaġġel madwar id-dinja.
Hija qalet kif bħalissa qed jiġu żviluppati iktar minn 20 vaċċin bl-ewwel riżultati minn testijiet fuqhom mistennija joħorġu fil-ġimgħat li ġejjin.
Intant matul il-jum l-iswieq internazzjonali ħadu daqqa sew l-isfel. Fil-fatt is-suq Amerikan fetaħ l-jum fuq nota ħażina. Dan jgħodd ukoll għall-iswieq Ewropej u Asjatiċi.
Fil-fatt esperti qalu li din kienet l-agħar ġimgħa fuq livell globali sa mill-elfejn u tmienja minn meta kienet faqqgħet il-kriżi ekonomika ta’ dak iż-żmien.
B’rabta ma’ dan il-virus mietet ukoll l-ewwel persuna Brittanika. Ir-raġel kien abbord il-vapur Diamond Princess fil-Ġappun li tpoġġa taħt kwarantina fil-ħamsa ta’ Frar wara li persuna abbord li niżlet f’Hong Kong kellha l-virus.
Fl-Italja in-numru tal-mejta tela’ għal sbatax filwaqt li 650 persuna huma infettati bil-virus.
Ritratt: AFP