Żewġ ġuvintur ta’ 16-il sena, li isimhom ma jistax jixxandar b’ordni tal-Qorti, wieġbu li mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom meta tresqu b’rabta ma’ ġlieda fil-Belt Valletta li seħħet il-ġimgħa li għaddiet. Fil-każ ġew aggrediti erba’ żgħażagħ u wieħed minnhom, ta’ 15-il sena, kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei għal aktar kura wara li kiser riġlu. Huwa diġa’ ġie operat iżda se jkollu jerġa’ jiġi operat. L-oħrajn ingħataw il-kura f’Ċentru tas-Saħħa.
Fil-Qorti, ippresduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, intqal li l-imputati u l-vittmi ma jafux lil xulxin. Intqal ukoll li wieħed mill-imputati kien uża b’lingwaġġ baxx biex qal lill-Pulizija li ma kienx sejjer magħhom taħt arrest.
Id-Difiża ta’ wieħed mill-akkużati argumentat il-validita’ tal-arrest, fuq il-bażi li l-imputat ma kienx mgharraf bil-validita’ tal-arrest. Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni ċaħdet dan, taħt ġurament. Il-Qorti vvalidat dan l-arrest.
Id-Difiża taż-żewġ imputati għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, fuq il-bażi tal-fatt li huma minorenni u li għandhom fedina penali netta, qatt ma ġew investigati, u qatt ma tressqu l-Qorti.
Intqal ukoll li wieħed mill-imputati ġie aggredit ftit taż-żmien ilu u għadu ma tressaq ħadd b’rabta ma’ dan.
L-avukat tal-imputat l-ieħor qal li, dakinhar tal-arrest, kien il-partner ta’ omm l-imputat li ħadu l-għassa.
Min-naħa tal-Prosekuzzjoni, intqal li hemm erba’ minorenni, possibilment ħamsa, li għadhom ma xehdux, u li jinsabu mbeżża’.
Issemma wkoll li hemm persuna oħra li għad trid titressaq, għax ma kinux biss iż-żewġ imputati li allegatament aggredew lill-vittmi minorenni.
Il-Qorti ordnat lill-imputati biex ma jagħmlux kuntatt mal-vittmi. Id-deċiżjoni tal-Maġistrat mistennija aktar tard matul il-ġurnata.
Għall-imputati dehru l-avukati Franco Debono, Francesca Zarb, u Arthur Azzopardi.
Għall-parte civile dehru l-avukati Stefano Filletti, Charles Mercieca, u Gianella De Marco.