Fil-lejl ta’ Ħamis ix-Xirka, l-knisja tas-Siġġiewi nxtegħlet bi 337 xemgħa, b’rispett lejn it-337 persuna li rriżultaw fil-pożittiv għall-Coronavirus f’pajjiżna sa issa. Din kienet b’inizjattiva tas-Sagristan tal-Knisja tas-Siġġiewi Carlos Borg li fuq Facebook ħabbar li ser ikun qed jagħmel dan il-ġest fil-lejl ta’ Ħamis ix-Xirka.
Is-Siġġiewi huwa magħruf għal mod ta’ kif f’dan il-lejl fis-sena ikun mixgħul bil-fjakkli f’mixgħela li tixgħel il-pjazza u s-Salib tal-Għolja. Għalkemm din is-sena din l-attività wkoll tħassret minħabba l-imxija, bosta bjut ta’ djar privati madwar is-Siġġiewi nxtegħlu xorta waħda bil-fjakkli b’sinjal ta’ kuraġġ. Dan b’inizjattiva tal-Każin Banda San Nikola.