Kejl uffiċjali tal-Unjoni Ewropea rifless fl-aħħar statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO, innota li fis-sena tal-pandemija, dawk f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali naqsu b’perċentwal meta mqabbel ma’ sena qabel.
L-akbar titjib kien irreġistrat fil-pensjonanti, dawk li jgħoddu 65 sena jew aktar, fejn ir-rata ta’ dawk f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali naqset bi 2.2% meta mqabbla mal-2019.
Anke fost it-tfal kien hemm tnaqqis sinifikanti fir-riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.
Hawnhekk ir-rata naqset b’1.3%.
Dan it-titjib seħħ minkejja li din is-sena, il-parametri tal-kejl użat mill-Unjoni Ewropea u allura adottat mill-NSO twessa’ aktar biex jiddaħħlu elementi soċjali li qabel ma kinux ikkunsidrati.
Fil-fatt li kieku wieħed jara l-kejl li kien jintuża sena ilu, it-tnaqqis fir-rata ta’ dawk f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali kien ikun iktar.
Fl-2013, ir-rata ta’ dawk f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali kienet ta’ 24.6%, li jfisser li fuq medda ta’ seba’ snin, ir-rata naqset bi kważi kwart milli kienet qabel il-bidla fil-Gvern.
B’kuntrast fis-seba’ snin ta’ qabel l-2013 kien hemm żieda minn 19.5% għal 24.6%, fi kliem ieħor kienet żdiedet b’aktar minn kwart taħt il-Gvern preċedenti.
Bil-kejl l-oriġinali, ir-rata rreġistrata fl-2020 hija l-anqas rata qatt irreġistrata mindu bdiet tinġabar din l-istatistika f’pajjiżna.
L-istatistika tinnota wkoll ir-rata ta’ riskju ta’ faqar, ibbażata biss fuq id-dħul tal-familji naqset.
Dan wara li d-dħul ta’ dawk taħt il-linja tas-sittin fil-mija tad-dħul medju nazzjonali, kiber iżjed minn ta’ dawk ta’ fuqha, fost oħrajn bis-saħħa tal-miżuri soċjali li daħħal il-Gvern anki waqt pandemija.
It-titjib fir-rata ta’ riskju ta’ faqar seħħ f’kuntest fejn il-qligħ disponibbli tal-familji kompla jogħla b’mod qawwi.
Fil-fatt id-dħul disponibbli medju ta’ familja żdied minn €28,505 għal €31,266, jew bi kważi €2,800.
B’rabta ma’ dawn iċ-ċifri ta’ titjib soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela fuq twitter qal li l-politika tal-Gvern qed tagħmel id-differenza meta l-aktar in-nies ġew bżonn.
Ma’ ONE News, il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon qal li dawk f’ċaħda materjali severa, naqsu bi kważi terz.
Il-Ministru Michael Falzon stqarr, “Jekk inqabblu biss biss mal-2014 ta’ dawk li qegħdin f’ċaħda materjali severa, illum qed nitkellmu fuq terz ta’ li kellna d-darba l-oħra. Illum qed naraw minn kull ħamsa, tnejn minnhom ħarġu minn dik is-sitwazzjoni. Għandek l-istess ukoll, naraw tnaqqis ieħor fiċ-ċaħda materjali fejn meta wieħed iqabbel mal-2014, in-numru verament niżel.”
Il-Ministru Michael Falzon tenna li kieku ma sarx it-titjib qawwi fil-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali li wasslu għal investiment rekord ta’ aktar minn biljun ewro f’dan is-settur, l-ammont ta’ dawk li kienu jkunu f’riskju ta’ faqar kien ikun id-doppju ta’ dak li fil-fatt hu.
Il-Ministru Michael Falzon temm jgħid li fil-budget li se jitħabbar fil-11 ta’ Ottubru, il-Gvern ser ikompli jagħti sostenn lill-pensjonanti u l-anzjani, lill-familji bit-tfal, lill-ħaddiema, lill-persuni b’diżabilità u lill-persuni vulnerabbli b’titjib akbar fis-servizzi soċjali.