Fl-2020, fis-sena li faqqgħet il-pandemija, in-nefqa tal-Gvern f’oqsma ekonomiċi u tas-saħħa żdiedet fuq sena qabel.
Fil-fatt in-nefqa tal-Gvern żdiedet bi kważi biljun ewro biex qabżet is-sitt biljun ewro.
Skont statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, ftit aktar minn kwart tan-nefqa tal-Gvern fis-sena msemmija marret għall-qasam soċjali.
In-nefqa soċjali fosthom fil-pensjonijiet, iċ-children’s allowance u għotjiet oħra lill-persuni b’diżabilità qabżet il-biljun u nofs ewro.
Din in-nefqa kienet kważi mija u sbatax-il miljun ewro aktar mis-sena ta’ qabel, meta ma kienx hawn pandemija.
In-nefqa fl-affarijiet ekonomiċi qabżet il-biljun u tliet mitt miljun ewro.
Skont l-NSO, din in-nefqa tiżboq dik fl-2019, b’aktar min-nofs biljun ewro.
L-NSO qal ukoll li hawnhekk iż-żieda fin-nefqa tal-Gvern ġejja riżultat ta’ miżuri t’għajnuna li ta l-Gvern, bħal Covid-Wage Supplement.
Fil-fatt intqal li fuq l-għajnuniet lin-negozji ngħataw qrib l-erba’ mitt miljun ewro filwaqt li kien hemm ftit aktar minn erbgħin miljun ewro oħra li l-Gvern stimula l-ekonomija bihom billi kien ħareġ l-ewwel rawnd ta’ vouchers.
In-nefqa fis-settur tas-saħħa qarbet ukoll il-biljun ewro u żdiedet b’aktar minn mitejn miljun ewro fis-sena li faqqgħet il-pandemija.
Fl-edukazzjoni imbagħad il-Gvern investa kważi seba’ mija u sebgħa u sittin miljun ewro.
Jirriżulta li f’dan is-settur u dak ekonomiku, fejn ingħatat għajnuna kbira lin-negozji, il-Gvern Malti investa iżjed mill-medja li nefqu Gvernijiet Ewropej.