“Din il-ġimgħa rnexxielna ndaħħlu fis-seħħ waħda mill-isbaħ proposti tal-manifest elettorali.” Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, f’kollegament telefoniku fuq ONE Radio.
Hu kien qed jirreferi għall-miżura li permezz tagħha dawk il-koppji li jiddeċiedu li jadottaw ikunu mgħejjuna b’għotja ta’ €10,000.
“Għalija personalment kienet waħda mill-isbaħ proposti li għamilna,” qal Joseph Muscat li rrefera għall-fatt li din daħlet fl-ewwel sena ta’ gvern ġdid bħala importanti ħafna.
Innota li dan ġie fl-istess ġimgħat li l-gvern ivvota fit-tieni qari dwar ir-riformi fil-liġi tal-IVF. “Min jiddeċiedi li jadotta u min juża x-xjenza. Aħna ż-żewġ familji lesti li ngħinu,” qal Muscat.
Dwar il-liġi tal-IVF, il-Prim Ministru tenna li issa jkun hemm perjodu ta’ riflessjoni u matulu “nisimgħu dawk involuti.” Qal li dan biex filwaqt li jinżamm il-prinċipju li daħal permezz ta’ dawn l-emendi, dik li tintuża l-aħjar ix-xjenza biex iktar nies jsiru ġenituri, fejn hemm issues li m’għandhomx x’jaqsmu ma’ prinċipji u setgħu ħasbu lin-nies wieħed jara xi ftehim jista’ jilħaq.
Innota kif il-freevote imwiegħed mill-Kap tal-Oppożizzjoni ma ngħatatx u l-oppożizzjoni vvotat kontra. “Nistaqsi x’wassal biex dan il-free vote kien irtirat? Fin-naħa tal-gvern din kienet fil-manifest u għalhekk konna grupp magħqud,” qal Joseph Muscat.
Dwar rapport tal-Kummissjoni Ewropea Joseph Muscat innotat li Malta hi fost l-inqas pajjiżi li għandha rakkomandazzjonijiet dwar x’għandha x’tgħamel “Għax qed ngħamlu ħafna u huma konformi,” qal Muscat li tenna kif il-Kummissjoni Ewropea nnotat il-ġlieda tal-gvern fuq il-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni. “Filwaqt li ninnotaw rakkomandazzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni Ewropea nibqgħu kommessi li nżommu s-servizzi tas-saħħa b’xejn u ngħollu l-pensjonijiet kull sena u ma ngħollux l-età tal-irtirar. Is-sostenibbiltà tiġi wkoll mill-mod ta’ kif ninvestu fl-ekonomija u l-infrastruttura tal-pajjiż,” qal Muscat li rrefera għas-Central Link Project b’investiment ta’ €55,000,000 imħabbar iktar kmieni din il-ġimgħa u tkellem dwaru bħala parti minn kulanna ta’ proġetti importanti fl-infrastruttura.