Kollox beda fi tfulitu meta kien jattendi l-Mużew, fejn is-soċji bdew ikebbsu fih in-namra għall-bini tal-pressepju
Is-snin tgerbu, minn tfajjel sar żagħżugħ bin-namra li jagħmel il-pasturi.
F’garaxx ġewwa Ħaż-Żebbuġ sibna lil Joseph Micallef jiffoka u jirfina fuq l-aħħar sett ta’ pasturi għal din is-sena.
Micallef iqatta’ ħafna mill-ħin liberu tiegħu f’dan il-garaxx jaħdem fuq diversi pasturi biex ikompli iżid mal-kollezzjoni li tgħodd mal-mijjiet.
Hu spjega ma’ dan l-istazzjon kif ix-xogħol fuq il-pasturi u l-presepji jibdew mis-sajf.
Qal, “L-ewwel tibda billi tagħmel sketches bil-lapes. Meta tkun sodisfatt, tibda timudella bit-tafal fuq idejk, daqshekk sempliċi. Meta jinxfu jinħmew fil-forn biex wara jingħataw l-undercoat meħtieġa inpinġih biż-żebgħa taż-żejt.”
Huwa spjega li l-ewwel presepju, kif nafuh aħna, sar fi Knisja ġewwa Ruma.
Micallef qal li f’Malta l-presepju aktarx daħal fl-aħħar nofs tas-seklu ħmistax. Huwa qalilna li fil-kunvent tad-Dumnikani tar-Rabat għad hemm xi pasturi tal-injam.
Minkejja n-numru kbir ta’ pasturi li jagħmel, dejjem jibqa’ jiltaqa’ m’għamliet ġodda.
Qal li dejjem jipprova jagħmel pasturi u forom ġodda biex iżidhom fil-kollezzjoni tiegħu, u jżomm il-presepju iktar ħaj.
B’passjoni liema bħalha uriena ċertu dettalji fil-presepju li fih kien hemm pasturi l-ġmiel tagħhom.
Qalilna kif bil-pasturi jista’ juri x-xena sabiħa u profonda tat-twelid ta’ Ġesù Bambin f’agħar ġewwa Bethlehem.
Micallef tenna, “Bħala pastur l-iktar għal qalbi hija l-attività ta’ dijorama l-kbira. Ħdimtha s-sena l-oħra. Dik naħseb l-iktar sett ta’ pasturi li għandi għal qalbi.”
Ma’ dan l-istazzjon, Micallef spjega li sena li ġejja hija sena speċjali ħafna għalih, fejn flimkien mal-għaqda ħbieb tal-presepju Għawdex, sezzjoni Għajnsielem, se ikun qed jessebixxi uħud mix-xogħolijiet tiegħu f’Bergamo l-Italja.