Dar fil-Marsa nbidlet fi spazju san li fih il-priġunieri jistgħu jiltaqgħu ma’ wliedhom lil hinn mill-ambjent ta’ ħabs.
Il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri, spjega li sar ħafna xogħol biex il-priġunieri jgawdu ħin ta’ kwalità ma’ wliedhom. Dan il-proġett, iżda, imur lill hinn minn hekk.
“Proġett eċċezzjonali fejn qed nagħtu ambjent tat-tfal, ambjent li xorta huwa sigur imma ambjent ta’ familja, fejn il-priġunieri jistgħu jiltaqgħu mat-tfal tagħhom lil hinn mill-ambjent ta’ ħabs, sabiex idealment ma jidħlux fil-ħabs, sabiex it-tfal ma jsirux jafu l-ħabs, sabiex nipprovaw li, għada pitgħada kemm jista’ jkun ma nressqukx lejn dak it-tip ta’ ambjent għaliex ma nixtiqux narawk hemmhekk.”
George Busuttil, li jmexxi l-Fondazzjoni ‘Mid-Dlam għad-Dawl’, tkellem dwar kif dan il-proġett se jservi wkoll biex tonqos problema li ġiet innotata.
“Għandna f’Malta dawk li ngħidulhom intergenerational crime families, fejn tfal jirrepetu dak li għamel il-papà, in-nannu, il-bużnannu, u hemm hemm bżonn li nagħmlu xi ħaġa biex dawn jonqsu.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, Robert Brincau, aċċenna għall-importanza li għandha l-familja fir-riforma tal-priġunier.
“Għalina l-familja hija waħda mill-iżjed affarijiet importanti u forsi wkoll hija dik li ġġegħilna, u li ġġiegħel lir-resident tagħna, ma jerġax jagħmel l-istess żball u jerġa’ jiġi lura. Fl-aħħar mill-aħħar, naħseb il-familja hija key importanti ħafna għall-priġunier, li jsibha ta’ appoġġ meta joħroġ.”
Min-naħa tiegħu, George Busuttil ikkwota studju dwar dan.
“Min kull studju li sar, meta priġunier joħroġ mill-ħabs u l-familja tkun għadha b’saħħitha, hemm ċans ħafna ikbar li ma jerġax jirrepeti dak li jkun għamel.”
Din id-dar se tibda tlaqqa’ fiha, taħt għajnejn il-professjonisti, lill-priġunieri ma’ wliedhom min-nofs is-sajf li ġej.