Mas-servizz tal-ferry mill-Belt Valletta għal Tas-Sliema u l-Kottonera u viċi versa, issa, se jingħaqad dak għal Buġibba sas-sajf li ġej. Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Chris Bonett, f’kumment ma’ ONE News, f’għeluq is-sena minn meta dan is-servizz beda jingħata b’xejn għal dawk li għandhom it-Tallinja Card.
Jirriżulta li x-xogħlijiet fuq dan il-breakwater jinsabu lejn tmiemhom biex jibda jopera s-servizz f’din il-lokalità fit-Tramuntana tal-pajjiż.
“Wara li rajna 30% żieda tan-nies li qed jużaw dan is-servizz fil-port, is-sajf li ġej se nkunu wkoll qegħdin inniedu s-servizz lejn Buġibba. Ovvjament, diskussjonijiet għaddejjin fuq liema rotta aħjar, però li hu żgur Buġibba se tkun waħda mill-postijiet fejn ħa nkomplu nkabbru din in-network u mhux se nieqfu Buġibba, għax imbagħad se nkomplu wkoll mal-kosta tal-Lvant kollu tal-pajjiż, kif konna għedna qabel tmiem is-sena, meta konna qed nagħmlu konsultazzjoni fuq il-miżuri tat-traffiku, li qed nieħdu.”
Il-Ministru Chris Bonett
Minn tagħrif li kiseb ONE News, mindu l-Gvern ħabbar li se jkun jista’ jintuża b’xejn f’Jannar tas-sena l-oħra, is-servizz tal-ferries intuża ferm aktar mill-2023, hekk kif kien hemm żieda ta’ kważi 400,000 passiġġier jew żieda ta’ 30%.
Iċ-ċifri jfissru li, b’kollox, użaw dan is-servizz aktar minn miljun u sitt mitt elf passiġġer f’perjodu ta’ sena.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ ukoll li l-aktar servizz użat kien dak bejn Tas-Sliema u l-Belt Valletta, li, fl-2024, ra aktar minn 940,000 passiġġier. Meta mqabbel ma’ sena qabel, in-numru tal-passiġġieri żdied b’aktar minn 212,000.
Dan filwaqt li s-servizz bejn Bormla u l-kapitali, is-sena l-oħra, użawh aktar minn 700,000. Meta mqabbel ma’ sena qabel, kien hemm żieda ta’ aktar minn 176,000 passiġġier fuq din ir-rotta.
Tkellimna mad-Direttur ta’ Transport Malta, Konrad Muscat, dwar kif din l-awtorità qed tara li ssaħħaħ is-servizzi offruti.
“Kull destinazzjoni, kull rotta ġdida li tiġi studjata jew ikkonsidrata, irid ikun hemm ukoll konnessjonijiet, fejn meta wieħed jinżel minn ġol-ferry isib konnessjonijiet ta’ karozzi tal-linja jew servizzi oħrajn, dak li aħna nsejħulhom intermodel transport, biex inti mhux inżilt u ma sibt xejn, imma nżilt u sibt konnessjonijiet li jistgħu joħduk id-destinazzjoni finali tiegħek.”
Konrad Muscat, Director , Ports Commercial, TM