Fit-tielet kwart ta’ din is-sena, jiġifieri bejn Lulju u Settembru, qasmu bejn Malta u Għawdex1,788,244 ruħ.
Dan ħareġ minn ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li ħabbar li f’dawn it-tliet xhur kien hemm total ta’ iżjed minn 11,400 vjaġġ.
L-aktar xahar impenjattiv f’dawn it-tliet xhur kien Lulju, meta saru 34% tal-vjaġġi li saru f’dan il-perjodu.
Skond l-NSO, il-passiġġieri li qasmu bil-vapur ta’ Għawdex f’dan il-perjodu kienu 1,590,386. Dan ifisser żieda ta’ iżjed minn 13 fil-mija, meta mqabbel mat-tielet kwart tas-sena l-oħra.
Dawn iċ-ċifri tal-NSO jgħidu wkoll li s-servizz tal-fast ferry bejn il-Port tal-Imġarr u l-Belt Valletta ġarr 197,858 passiġġier.
Fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, l-aktar ġranet tal-ġimgħa li fihom qasmu nies miċ-Ċirkewwa kienu l-Ġimgħa u s-Sibt. Dan filwaqt li l-Port tal-Imġarr ra l-ogħla ammont ta’ passiġġieri s-Sibt u l-Ħadd.