L-Air Malta ħabbret espansjoni u tkabbir fl-għadd ta’ titjiriet li għandhom jiġu operati fl-iskeda tat-titjiriet tagħha tas-Sajf 2023.
Il-linja tal-ajru se żżid medja ta’ 20% fl-għadd ta’ titjiriet operati fil-ġimgħa matul il-perjodu minn April sa Ottubru 2023, u qed tippjana li topera sa 157 titjira fil-ġimgħa fl-eqqel tal-perjodu tas-sajf.
L-Air Malta se tniedi erba’ rotot ġodda fis-Sajf tal-2023. Dawn jinkludu TelAviv (tliet darbiet fil-ġimgħa) , Nizza (żewġ servizzi fil-ġimgħa), Palermo (erba’ titjiriet fil-ġimgħa) u Napli (tliet titjiriet fil-ġimgħa).
Barra minn hekk, se jkun hemm żieda fil-frekwenza f’xi swieq ewlenin eżistenti, inkluż Ġinevra, issa bi tliet titjiriet fil-ġimgħa, Pariġi-Charles de Gaulle b’disa’ servizzi fil-ġimgħa, Munich bi tlettax-il titjira fil-ġimgħa, Ruma-Fiumicino bi ħmistax-il titjira fil-ġimgħa u Katanja b’sittax-il titjira filġimgħa.