Fis-sitta ta’ Marzu, id-dinja tingħaqad biex tfakkar il-memorja tal-ħajjiet li ntilfu kawża ta’ overdose tad-droga.
F’dik li tissejjaħ ‘Black Balloon Day’, li oriġinat fl-Istati Uniti tal-Amerka, id-dinja tfakkar, tqajjem l-għarfien u tappoġġja lil dawk kollha li, b’xi mod jew ieħor, huma milqutin mill-abbuż tas-sustanzi, kemm dawk li jagħmlu użu minnhom u anke l-familji tagħhom.
B’bużżieqa sewda tkun is-simbolu ta’ din il-ġurnata, ħafna jaqsmu l-esperjenzi tagħhom biex tonqos l-istigma u kulħadd jirrealizza li din il-pjaga tista’ tolqot lil kulħadd.
Lokalment, is-Sedqa fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, l-FSWS, tagħmel xogħol bla preċedenti biex tgħin lil min hu milqut.
Fil-Komunità Santa Marija hemm ħamsa u għoxrin resident li bħalissa għaddejjin bl-itwal programm ta’ rijabilitazzjoni f’pajjiżna.
Bil-ħidma li ssir fil-komunità mill-Addictions Community Team, hemm erba’ mija u tmienja u għoxrin każ attiv li qed jiġu segwiti mill-ħaddiema soċjali. Kull sena, dan l-istess tim jaħdem ma’ madwar elf u mitejn klijent.
Fejn jidħol is-Substance Misuse Out Patients Unit, jew kif inhu magħruf aħjar bħala d-Detox, it-tim multi-dixxiplinarju tas-Sedqa, magħmul minn tobba, infermieri u ħaddiema soċjali, qed jaħdem ma’ disa’ mija u ħamsa u sittin klijent.

F’intervista ma’ dan l-istazzjon, id-Direttur tas-Sedqa, Charles Scerri, spjega li fil-każ tal-Addictions Community u d-Detox, il-klijent jingħata l-għajnuna fil-komunità, waqt li dak fil-Komunità Santa Marija jingħata fi programm residenzjali, li hu itwal minn sena.
“Iż-żewġ għanijiet huma komuni, ovvjament, li l-persuna tkun fittxet u sabet l-għajnuna biex tiffaċċja l-problema tagħha ta’ dipendenza.”
Charles Scerri, Direttur, Sedqa
Id-Direttur tas-Sedqa wassal dan il-messaġġ f’dan il-jum.
“Il-messaġġ huwa wieħed. L-għajnuna teżisti f’Malta, ejjew naraw li meta persuna tfittex l-għajnuna għal dawn is-servizzi, ma niġġudikawhiex bħala komunità Maltija u Għawdxija u, fuq kollox, naraw għal persuni stess, li jkunu qed ifittxu l-għajnuna, li l-punt li tfittex l-għajnuna, mhumiex punt tad-dgħufija, imma huwa punt ta’ saħħa biex persuna b’determinazzjoni toħroġ mill-vizzju tas-sustanzi.”
Charles Scerri, Direttur, Sedqa