Fis-sagħtejn ta’ waranofsinhar tat-Tnejn, pajjiżna rreġistra rekord ta’ domanda għall-elettriku ta’ 649MW. Dan kawża ta’ sħana qawwija li qed jolqot lill-pajjiżna, flimkien mar-reġjun tal-Mediterran.
Dan intqal waqt laqgħa ta’ informazzjoni mal-ġurnalisti, it-Tnejn waranofsinhar, fl-uffiċini tal-Enemalta, fil-Marsa.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta Jonathan Cardona qal f’din l-aħħar ġimgħa ġew irreġistrati 65 ħsara fis-sistema ta’ distribuzzjoni ta’ vultaġġ għoli. Intqal li ġew imsewwija 46 minnhom; 37 f’Malta u disa’ f’Għawdex.
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli qalet li, quddiem din l-isfida, il-Gvern se jkompli jaħdem qatigħ biex tissaħħaħ is-sistema ta’ distribuzzjoni f’pajjiżna, kemm b’mod immedjat u anki għall-futur.
Hawnhekk hija semmiet l-investiment ta’ €90 miljun, waqt li hemm €70 miljun oħra li ġejjin mill-pjan tal-Unjoni Ewropea, tar-REPowerEU.
Qalet li l-Gvern qabel li se jkun hemm kumpens li se jitħabbar ’il quddiem kemm għall-familji u anki n-negozji.
Ġie spjegat li fl-aħħar sena u nofs żdiedu 66 substation f’pajjiżna, waqt li huwa maħsub li jiżdiedu aktar minn 250 substation f’sitt snin.