Il-Port il-Kbir se jilqa’ l-ikbar spettaklu ta’ kull żmien waqt il-Valletta Pageant of the Seas li se jsir fis-16 ta’ Awwissu mis-sitta u nofs ta’ filgħaxija ‘il quddiem.
L-edizzjoni ta’ din is-sena se tkun miftuħa għall-pubbliku wara li saru l-arranġamenti neċċesarji biex jimxu mad-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Il-Pageant of the Seas kellha ssir fis-7 ta’ Ġunju iżda kienet posposta minħabba l-imxija. Din is-sitwazzjoni ttieħdet bħala opportunità mit-tim tal-produzzjoni biex l-ispettakklu joffri innovazzjonijiet u biex jiddaħħlu fih elementi ta’ sorpriża. L-ispettakklu ta’ 3 sigħat u nofs jilħaq il-qofol tiegħu b’manifestazzjoni ta’ logħob tan-nar. Ġie deċiż ukoll li l-edizzjoni ta’ din is-sena tiġi mxandra wkoll fuq it-televiżjoni.
Dan l-ispettaklu fuq il-baħar se jkun jista’ jitgawda mill-pubbliku min-naħa tax-xatt tal-kapitali kif ukoll matul it-triq kollha tal-Pixkerija l-Antika fost oħrajn, kif spjega b’mod tajjeb iċ-chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Jason Micallef.
Is-Sur Micallef stqarr: “Huwa miftuħ għall-pubbliku ġenerali. Qed ngħidu hekk għaliex il-post jippermeti ħafna ix-xatt kollhu tal-Belt, nofs kilometru ta’ triq, apparti wkoll il-fortifikazzjonijiet. Ħadna l-miżuri kollha neċessarji fejn qegħdin f’kuntatt ma’ dipartiment tas-saħħa u ma hawn ebda problemi biex dan l-ispettaklu fuq il-baħar issir.”
Intant il-Ministru għall-Kultura Josè Herrera stqarr li l-kultura hija l-mezz ewlieni kif il-ħajja ekonomika u soċjali tittreġġa’ lura għan-normal. Qal li fl-aħħar snin sar investment ta’ miljuni kbar fil-Belt Valletta.