Fl-okkażjoni tat-tnedija tal-prospektus tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi – l-ITS, il-Kap Eżekuttiv Pierre Fenech spjega fid-dettall l-għażla vasta ta’ programmi ta’ studju li l-istitut qed joffri lill-istudenti; programmi li jvarjaw minn dawk bażiċi sa dawk li jwasslu sal-livell ta’ Master’s Degree.
Huwa spjega li kull min jixtieq li jidħol jaħdem fis-settur turistiku, fl-ITS se jsib il-kors addattat għalih. Studenti li għandhom diġà l-eżamijiet fil-livell ordinarju u dak avvanzat, ċertament li jsibu n-niċċa fejn jistgħu jimirħu. Huwa qal li anki studenti li għadhom mingħajr kwalifiki jistgħu jsibu l-kors ideali għalihom.
Is-Sur Fenech qal li l-istudenti fl-ITS dejjem kienu mfaħħra kemm minn esponenti fl-industrija tat-turiżmu lokali kif ukoll minn dawk barranin. Fil-fatt, l-istudenti tal-ITS isibu x-xogħol fis-settur anki waqt li jkunu qed jistudjaw. Qal ukoll li fl-istadju tal-gradwazzjoni, ħafna mill-istudenti jsibu xogħol anki fil-livell tat-tmexxija.
Fost il-programmi ta’ studju fl-ITS, wieħed isib l-arti kulinarja, it-tqassim fil-kmamar, l-ivvjaġġar, l-inbid, it-tmexxija fl-ospitalita internazzjonali, l-għadis, l-iggwidar għat-turisti, l-interpretazzjoni tal-wirt kulturali, l-ikel u x-xorb, u dak kollu li għandu x’jaqsam mal-bżonnijiet fl-Industrija tal-ospitalità u t-turiżmu.
Ic-Chairman tal-Awtorità tat-Turiżmu, Carlo Micallef, stieden lil dawk l-istudenti prospettivi li s’issa għadhom mhux ċerti mill-pass li jmiss fl-istudju tagħhom, biex jidħlu għall-karriera fl-industrija tal-ospitalità u t-turiżmu. Enfasizza l-fatt li, kull ma jmur, din l-industrija dejjem qed tevolvi. Huwa qal li l-industrija toffri esperjenzi varji li, fl-aħħar mill-aħħar, tiffjorixxi f’karriera interessanti ħafna u, fl-istess ħin, tagħti sodisfazzjon kbir.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, qal li l-ITS jirrappreżenta l-preżent u l-ġejjieni tal-industrija tat-turiżmu f’pajjiżna. Bartolo qal li l-Gvern huwa impenjat li jagħmel minn Malta ċentru ta’ eċċellenza turistika fil-Mediterran u lil hinn. Biex dan l-għan ambizzjuz jintlaħaq, huwa importanti li jkompli jsir l-investiment fit-turiżmu, sabiex ikomplu jinħolqu aktar opportunitajiet għal dawk li jaspiraw li jaqbdu karriera f’dan il-qasam.
L-applikazzjonijiet għall-korsijiet issa huma miftuħa u se jagħlqu fit-8 ta’ Awwissu li gej.