Skont studju li sar ftit taż-żmien ilu mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali fi sħubija mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jirriżulta li f’Malta hawn kważi nofs il-Maltin u l-Għawdxin li mhumiex infurmati biżejjed dwar is-saħħa mentali għaldaqstant jeħtieg li jkun hawn aktar għarfien dwar dan is-suġġett.
Il-Fondazzjoni Richmond, li hija entità mhux governattiva li taħdem fil-qasam tas-saħħa mentali, qed toffri kors ta’ 12–il siegħa dwar il-Mental Health First Aid. Dan jinkludi erbgħa sezzjonijiet ta’ tliet sigħat–il wieħed. Kull parteċipant li jattendi jingħata ċertifikat li jkun validu għal perjodu ta’ tliet snin.
Il-Mental Health First Aid huwa miftuħ għal dawk li għandhom ‘l fuq minn 18–il sena, u l-għan prinċipali tiegħu huwa li jgħallem lin-nies kif għandhom jassistu lil xi ħadd li qed jiżvillupa problema ta’ saħħa mentali jew li għandu problema ta’ saħħa mentali.
L-ewwel għajnuna tingħata sakemm il-persuna tibda tingħata trattament professjonali jew sakemm il-krizi ta’ saħħa mentali tkun solvuta.
Għal aktar informazzjoni tistgħu iżżuru s-sit: www.richmond.org.mt/mhfa jew iċemplu l-Fondazzjoni Richmond bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa fuq 21 224580 bejn it-8am u l-4pm.