- Dalwaqt jitħabbar proġett intiż biex jgħin intrapriżi jġibu l-merkanzija f’Malta
Ġie ffirmat ftehim li se jiffaċilita l-mod li bih ikun isir in-negozju f’Malta. Dan l-impenn jidħol fis-seħħ bejn dipartimenti tal-Gvern u entitajiet oħra konċernati.
F’diskors wara li ġie ffirmat l-impenn, il-Prim Minsitru Joseph Muscat qal li l-kompetittività ekonomika ta’ pajjiż tiddependi minn ħafna fatturi, fosthom kemm tiswa l-enerġija u l-istat tal-infrastruttura.
Proprju għalhekk, qal li Prim Ministru, li dalwaqt ser jitħabbar proġett ambizzjuż intiż biex jgħinu intrapriżi jġibu l-merkanzija f’Malta, biex jaħdmuha u jerġgħu jesportawha.
Il-Prim Ministru għaraf ukoll li l-kompetittività ta’ ekonomija nazzjonali tiddependi fuq l-effiċjenza tas-settur pubbliku. Irrefera għall-“Ease of Doing Business Report”, li juri kemm Malta għandha fejn titjieb.
Dan b’mod speċjali meta wieħed iqis kemm qed tikber l-ekonomija Maltija u r-riżultati li qed jinkisbu f’dik li hu qgħad. Spjega li fid-dawl ta’ dawn id-diskrepanzi, il-Gvern ħass il-bżonn li jaġixxi, u għalhekk il-Malta Enterprise bdiet studju serju u oġġettiv.
Wara laqgħat mal-entitajiet kollha kkonċernati, illum kull entità tas-settur pubbliku, Ministeru u dipartiment ikkonċernat qed jintrabtu pubblikament permezz ta’ “ittra ta’ impenn” li ser twettaq programm li għandu jwassal għal titjib sostanzjali fil-mod li bih ikun faċilitat in-negozju f’pajjiżna.
“U dan qed nagħmluh mhux biss biex nidhru isbaħ fir-”rankings” globali iżda biex intejbu l-kompetittività ekonomika ta’ pajjiżna,” stqarr il-Prim Ministru.
Kompla jgħid li dan huwa biss il-bidu u l-pass li jmiss huwa ħarsa bir-reqqa lejn il-burokrazija żejda li jaffaċċjaw in-negozji fl-operat tagħhom ta’ kuljum.