Min fired partit, m’għandux jingħata ċ-ċans li jifred pajjiż.
Kien dan il-messaġġ ewlieni tal-Partit Laburista f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Glenn Bedingfield flimkien mal-Kandidata Laburista Amanda Spiteri Grech.
Il-Partit Laburista qal li kulħadd jaf li Bernard Grech hu wiċċ għan-nies tal-passat tal-Partit Nazzjonalista, li poġġewh fil-kariga biex qalgħu lil ta’ qablu.
Għalhekk jekk Bernard Grech jingħata l-fiduċja, it-taqbida nterna fil-Partit Nazzjonalista ssir problema tal-pajjiż, biex b’hekk ikun hemm riskju li l-istabbiltà politika, li tant hija importanti u li pajjiżna kiseb fl-aħħar snin, tinqaleb f’instabilità.
Id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield tenna li m’hemmx dubju li t-tluq f’daqqa ta’ erba’ kandidati mill-Partit Nazzjonalista fl-ewwel jum ta’ Kampanja Elettorali huwa sinjal ieħor ta’ kif il-klikka li poġġiet lil Bernard Grech Kap hija dik li għada se tibqa’ tiddetta l-aġenda fil-Partit Nazzjonalista.
Tenna wkoll li l-irtirata ta’ dawn id-deputati Nazzjonalisti tpoġġi f’pożizzjoni ħażina l-aħjar interessi tal-pajjiż.
Qal, “Fl-ewwel sigħat ta’ din il-kampanja elettorali tilef erba’ esponenti li kienu fix-Shadow Cabinet u saħansitra llum waqt li qed nitkellmu fuq il-proposti tal-ekonomija, il-Partit Nazzjonalista m’għandux shadow minister tal-ekonomija. M’għandu lil ħadd li jista’ jitkellem fuq l-ekonomija.”
Intant il-Kandidata Laburista Amanda Spiteri Grech semmiet numru ta’ sitwazzjonijiet li b’riżulatat tal-firda fi ħdan il-Partit Nazzjonalista wasslet għal nuqqas ta’ qbil fuq materja relatata ma’ politika li tolqot l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin. Din fost oħrajn inkludiet il-vot fuq il-liġi dwar l-użu responsabbli tal-Kannabis.
Madankollu dan mhux biss.
Spjegat, “Anke meta ġejna għar-ratifika tal-konvenzjoni ta’ Istanbul li kellha x’taqsam, maħsuba biex tissaħħaħ il-liġi dwar il-vjolenza domestika wkoll il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, il-Partit Nazzjonalista nqasam u ma vvutax flimkien aħna għax magħqudin ipproteġejna lill-vulnerabbli.”