Tlesta r-restawr tal-istatwa titulari tal-Immakulata Kunċizzjoni f’Bormla. F’dan ir-restawr l-istatwa tnaddfet mill-interventi li sarulha maż-żminijiet u nkixef il-lewn oriġinali tagħha waqt li ġiet ippriservata għas-snin li ġejjin.
Jingħad li din l-istatwa nħadmet fl-1680 minn Swor Maria De Domencis f’zokk ta’ siġra tal-ħarrub li fuqu jintqal li dehret il-Madonna. Madankollu d-dehra preżenti tal-istatwa ingħatat fl-elf disa mija u ħamsa meta l-istatwa inksiet bil-fidda mastizz u nzammew biss ir-ras, l-idejn, is-saqajn u s-serpent fil-bażi tal-istatwa. L-istatwa kienet intbagħtet għand id-ditta f’Milan ta’ Antonio Ghezzi e Figli li wettqu l-alterazzjonijiet fuq disinn ta’ Abram Gatt.Fis-snin tmenin din l-istatwa sarulha xi ħsarat wara li ntlaqtet minn wires tad-dawl u sarulha xi alterazzjonijiet oħra. Filfatt ir-restawr li sar taħt it-tmexxija tar-restawratrici Valentina Lupo mill-Kumpanijia ‘ Atelier del Restauro’ neħha dawn l-interventi u kixef ix-xogħol oriġinal tal-elf disa mija u ħamsa.
Hija qalet li “ż-żebgħa kienet ħoxna u kien hemm ukoll ħafna ġibs, tneħħew interventi antiki ta’ restawr. Kellna naħdmu ħafna bi ‘blades’ irqaq biex inkunu nistgħu nneħħu din iż-żebgħa u nikxfu ż-żebgħa oriġinali.”
Spjegat li meta kien għaddej dan il-proċess bdew jinkixfu diversi affarijiet li lanqas il-Poplu Bormliż ma kien konxju minnhom. “Eżempju ta’ interess hu pereżempju li x-xagħar kif kienu jafuh in-nies hu kannella skur jagħti ħafna fl-iswed, iżda x-xagħar oriġinali tagħha jagħti fl-aħmar,” qalet Lupo
Din is-sena l-istatwa ser toħroġ fit-toroq b’kuluri differenti minn kif ħarġet is-sena l-oħra. L-istess kuluri li biha nżebgħet fil-bidu tas-seklu għoxrin.
“Il-wiċċ oriġinali hu aktar bajdani u aktar fir-roża, filfatt ħarġu iżjed dettalji interessati kemm fis-serpent u anke fil-kuluri. L-oriġinali huma aktar ċari u l-għajnejn tiegħu differenti, anke ‘eye lashes’ impittrin għandu. L-idejn tal-Madonna huma aktar realistiċi apparti l-iskultura”
L-Arċipriet tal-Paroċċa Bormliża Dun Anton Cassar qal kif ix-xogħol kollu ġie jiswa ħmistax il-elf ewro u li ma kienx jinvolvi biss l-istatwa imma diversi affarijiet oħra fosthom in-niċċa li ġarrbet ħsarat kbar aktar kmieni din is-sena.
Spjega li r-restawr tar-raġġiera u l-istatwa ġie jiswa tmint elef ewro, filwaqt li r-raġġiera waħedha ġiet tiswa erbat elef u l-kumplament intefaq għas-saqaf tan-niċċa.
L-Arċipriet ta’ ħajr lill-Gvern li permezz tal-Fond għall-Kawżi Ġusti fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi għamel tajjeb għal parti minn din l-ispiza. Dan filwaqt li spjega s-sinifikat kbir ta’ din l-istatwa fil-Belt Bormliza.
“Is-sinifikat huwa kbir ħafna, għax din l-istatwa hi l-ikona ta’ Bormla u tiġbor dak li hu identita Bormliża,” qal l-arċipriet. Ir-restawr ġie inawgurat is-Sibt filgħaxija b’funzjoni li fetħet il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni nhar it-8 ta’ Diċembru.