Fir-residenza tal-anzjani San Vinċenz De Paul, ir-residenti għalqu l-istaġun tal-festi tradizzjonali Maltin billi ċċelebraw il-festa proprju tal-qaddis li għalih hija msemmija l-faċilità: San Vinċenz De Paul.
F’serata ta’ briju u attivitajiet, f’din ir-residenza qed tinżamm ħajja t-tradizzjoni Maltija, anki skont ix-xewqa tar-residenti stess, li ta’ kull sena jkunu qed jistennew din il-festa.
Lorraine Farrugia, il-maniġer għall-anzjanità attiva f’din ir-residenza, tkellmet dwar is-sentiment tal-anzjani, li jieħdu gost b’din l-attività.
“Ir-residenti tagħna tant hija għal qalbhom il-festa, waħda mill-attivitajiet kbar fost attivitajiet oħra li jsiru hawnhekk. Iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa, meta ssir hawn barra, l-anzjani jilqgħuha ħafna bi pjaċir kbir.”
Fil-fatt, l-attività bdiet b’quddiesa fil-bitħa prinċipali tar-residenza biswit il-kappella tal-Qalb ta’ Ġesù. Wara l-quddiesa, imbagħad, saret purċissjoni fl-istess bitħa, u s-serata ngħalqet b’ikla.
Din m’hijiex l-unika festa li tiġi ċċelebrata f’din ir-residenza għall-kura fit-tul. F’Ġunju ir-residenti flimkien mal-istaff jiċċelebraw il-festa tal-Qalb ta’ Ġesù fuq medda ta’ ġimgħa.
Ħadna ir-reazzjoni ta’ żewġ anzjani li qalulna x’jaħsbu dwar din il-festa ta’ San Vinċenz de Paul.
Kien hemm min qal:
“Sabiħa ħafna, dik il-quddiesa bi tnejn sabiħa mmens. Jiena xjaħt, f’qalbi qatt ma rajt affarijiet sbieħ hekk. Għax konna mmorru naqra u naħarbu niġru lejn id-dar u hawnhekk ma jgħaġġlek ħadd. Hawn ħafna nies nafhom: min hu mir-raħal, min hu hekk, u ninsab kuntenta ħafna fil-home ta’ San Vinċenz.”
Oħrajn qalu:
“Smajna l-quddiesa, ukoll kienet sabiħa, ħafna għoġbitni ħafna wkoll … issa ħierġa l-vara ta’ San Vinċenz ukoll.”