Vetturi ġodda fir-Renju Unit, li jaħdmu bil-petrol u d-diesel, se jiżdiedulhom sew ir-rati tas-sisa fuqhom mill-1 t’April li ġej. L-agħar li se jmorru huma dawk bl-inqas ċilindrata u li jniġġsu l-inqas, il-hybrid.
Is-sidien ta’ tali vetturi se jesperjenzaw żidiet dramatiċi partikolarment fl-ewwel sena, skont rapporti fil-midja Britannika.
Dawk li jixtru vetturi, li jipproduċu aktar minn 76 gramma ta’ CO2 kull kilometru se jaraw l-ispejjeż relatati jirdoppjaw minn April, b’eluf tal-karozzi li jniġġsu l-aktar jeħlu aktar spejjeż li jlaħħqu l-eluf.
Minkejja dan, huma dawk il-vetturi li jniġġsu l-inqas, inkluż il-hybrids, li se jaraw l-ogħla żidiet fir-rati, b’analisti u speċjalisti jqisu li d-differenza għal dawn se tkun fuq għaxar darbiet iżjed.
Dawn iż-żidiet fis-Sisa, ġew ikkonfermati fil-baġit t’Ottubru li għadda tal-Ministru għall-Finanzi Rachel Reeves, bl-iskop li titwessa’ d-differenza bejn vetturi elettriċi, li ma jniġġsux, u dawk li huma hybrid u dawk li jaħdmu bil-fuels konvenzjonali tal-petrol u d-diesel.
Il-pressjoni mis-swieq finanzjarji fuq l-ekonomija Britannika laħqet livelli għoljin, b’investituri jwissu li se jitilqu mill-pajjiż u jkeċċu l-ħaddiema, għax il-piżijiet finanzjarji saru “insapportabbli”, waqt li l-fiduċja fost l-industriji u l-aġenziji ta’ kreditu qed tkompli tonqos dwar kemm il-pajjiż kapaċi jindirizza l-problemi kbar li għandu.
Sadanittant tħabbar kif il-Gvern Britanniku ta’ Keir Starmer ukoll qed iħejji biex iħabbar baġit korrettiv, bl-iskop li jtaffi din il-pressjoni, b’miżuri li jaraw żieda ta’ 11% fit-taxxi li jrid iħallas il-poplu.