Fir-Renju Unit, għaqdiet filantropiċi li jissapportjaw persuni vulnerabbli jew li għandhom mard kroniku qalu li xi wħud qegħdin jikkontemplaw jagħmlu suwiċidju minħabba li ma jistgħux ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja.
Dawn iridu jagħżlu bejn li jsaħħnu djarhom jew inkella jixtrux x’jieklu jew il-fjuwil.
Irrapporta dan is-sit tal-aħbarijiet internazzjonali BBC, li tefa’ lenti fuq is-sitwazzjoni ta’ persuni vulnerabbli f’dan il-perjodu diffiċli.
Mara li għandha l-multiple sclerosis qalet li n-nefqa tagħha ttriplat. Hija għandha tifel ta’ ħmistax-il sena u mal-BBC qalet li f’din ix-xitwa qed tissagrifika saħħitha billi ma ssaħħanx darha biex tkun tista’ tħallas għall-fjuwil sabiex tieħdu għall-appuntamenti u l-attivitajiet tiegħu.
Mal-BBC hija qalet li l-istress huwa l-agħar ħaġa li wieħed jista’ jaffaċċja meta jkollu din il-kundizzjoni medika, iżda qalet li l-għoli tal-ħajja nnifsu huwa ta’ stress għaliha.
Intqal li minħabba l-għoli tal-ħajja n-nies vulnerabbli qed jesperjenzaw żieda fil-problemi tas-saħħa mentali. Dan hekk kif iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-fjuwil u anki biex wieħed jivvjaġġa, qed twassal biex il-persuni b’diżabilità jispiċċaw waħidhom minħabba li ma jkunux jistgħu jiltaqgħu mal-qraba u ħbieb tagħhom.
Din iż-żieda fl-għoli tal-ħajja mhux qed tkun esperjenzata fir-Renju Unit biss, iżda wkoll madwar il-pajjiżi Ewropej u dan minħabba l-kriżi tal-enerġija bla preċedent li ġabet magħha l-gwerra fl-Ukrajna.
F’Malta, il-Gvern qiegħed iġorr il-piż hu, hekk kif qed jiffranka minn fuq il-familji Maltin madwar elfejn ewro fis-sena, minħabba li qed jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija, il-fjuwil u l-qmugħ.