Inkjesta mill-Membri Parlamentari Ingliżi sabet li n-nuqqas tar-Renju Unit milli jwaqqaf it-tixrid tal-Covid fil-bidu tal-pandemija, kienet waħda mill-agħar fallimenti fis-saħħa pubblika fl-istorja.
Qalet li l-Gvern, b’appoġġ sħiħ mix-xjentisti, ipprova jamministra s-sitwazzjoni billi jikseb l-immunità bl-infezzjoni.
Skont l-inkjesta, dan wassal għal dewmien biex ġiet introdotta l-ewwel lockdown, b’riżultat li ntilfu l-ħajjiet.
Ir-rapport jinnota wkoll is-suċċessi; fosthom il-programm ta’ tilqim, li mir-riċerka sal-implimentazzjoni ġie deskritt bħala waħda mill-iktar inizjattivi effettivi fl-istorja tar-Renju Unit.
Ir-riżultati tal-inkjesta ġew ippubblikati f’rapport mill-Kumitati tas-Saħħa u l-Kura Soċjali, u tax-Xjenza u t-Teknoloġija, li jinkludu Membri Parlamentari mill-partiti kollha.
F’mija u ħamsin paġna, il-Kumitati jkopru diversi suċċessi u fallimenti tul il-pandemija, li sal-lum temmet il-ħajja ta’ aktar minn mija u ħamsin elf ruħ fir-Renju Unit.