Ħafna djar ġew evakwati u diversi titjiriet ikkanċellati hekk kif ir-Renju Unit qed jisfa’ vittma ta’ maltempata qalila oħra wara li t-tempesta Eowyn ħalliet żewġ persuni mejta.
Il-maltempata Herminia qed tavvanza lejn ir-Renju Unit mill-Ewropa b’irwiefen qawwija u ħafna għargħar li qed jaffetwa it-trasport f’diversi partijiet tal-Ingilterra u Wales.
4000 passiġġier kienu affetwati hekk kif l-ajruport ta’ Heathrow ikkanċella 26 titjira filwaqt li 37 oħra ġew ittardjati.
Fejn Darwen, Lancashire niżlet l-art bil-konsegwenza li l-linji tal-ferrovija nazzjonali jinsabu blokkati bil-vjaġġi bejn Bolton u Blackburn jkunu kkanċellati. Għexieren ta’ nies kienu evakwati minn binja residenzjali f’Somerton wara li kien hemm għargħar matul il-lejl. Is-servizzi ta’ salvataġġ ta’ Devon u Somerset qalu li madwar 61 persuna u l-annimali tagħhom kienu ġew salvati mill-mobile homes permezz ta’ dgħajjes.
Waqt it-tempesta Eowyn żewġ żgħażagħ ta’ 19 u 20 sena sfaw maqtula meta waqgħu siġar fuqhom u baħri Ingliż ta’ 73 sena għadu mitluf wara li sparixxa bil-yacht barra mill-kosta ta’ Lacanau fil-Lbiċ ta’ Franza nhar is-Sibt.
Fi tmiem il-ġimgħa kważi 300,000 dar spiċċaw bla servizz elettriku fl-Irlanda ta’ Fuq.