Minn stħarriġ li sar fir-Renju Unit, jirriżulta li minn 2,200 persuna, 44% qalu li jaħslu x-xugamani kull tliet xhur jew aktar.
Il-kontijiet tal-enerġija li splodew fl-aħħar xhur fir-Renju Unit, qed jitqiesu bħala waħda mir-raġunijiet għal degredazzjoni ta’ dan it-tip fil-ħajja tal-familji Britanniċi.
F’kummenti mas-sit internazzjonali, BBC, l-esperta tal-iġene u l-prevenzjoni tal-mard jittieħed, Dr Sally Bloomfield, qalet li dan huwa ta’ xokk għaliha, hekk kif dawn ix-xugamani jitħammġu u jiġu skomdi biex tużahom.
1 minn kull 5, li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ qalu li jaħslu x-xugamani tagħhom darba f’xahar, kwart qalu li daba f’ġimgħa u 1 minn għoxrin qalu li jaħsluh wara li jinħaslu.
L-esperta, qalet li x-xugamani għandhom jinħaslu mqar darba f’ġimgħa.
Dan hekk kif minkejja li jidhru nodfa, dawn ikunu ġabru ammont ta’ mikrobi u jistgħu jkunu ta’ riskju għas-saħħa, hekk kif l-organiżmi fuq ix-xugaman jiżdiedu u minkejja li taħslu, imbagħad tkun diffiċli li tneħħihom kollha.
Ladarba dawn l-organiżmi jaqbdu ma’ ġisimna, dan jista’ jikkawża mard varju, fosthom ‘athlete’s foot’, speċjalment jekk jiġu f’kuntatt ma’ xi leżjoni.
Dan speċjalment huwa applikabbli meta tkun toqgħod ma’ persuni oħra, hekk kif organiżmi li ma jaffetwawx persuna, jistgħu jaffetwaw oħra u b’hekk jistgħu jinxterdu l-infezzjonijiet.
Intqal li dawk li għandhom xi kundizzjonijiet fil-ġilda, għandhom jaħslu x-xugaman tagħhom aktar frekwenti, hekk kif xugaman maħmuġ ikompli jikkontribwixxi għal dan.
Tabib espert ieħor, Dr Psomadakis, jirrikomanda li jintużaw xugamani separati għall-wiċċ u għall-ġisem.
Intqal ukoll li minkejja l-impatti ekonomiċi u finanzjarji, huwa aħjar li x-xugaman jinħasel b’temperatura baxxa u frekwentament, milli temperatura għolja darba kultant.
Ritratt: Getty Images