“Li tagħti s-saħħa lin-nies mhux biss li tismagħhom, imma li dak li jiġu bih in-nies tagħsru f’policies u f’bidliet leġiżlattivi favur il-pajjiż.” Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt l-ewwel programm 8/06, imxandar fuq ONE.
Fil-fatt, il-Prim Ministru sostna dan hekk kif kien mistoqsi dwar il-messaġġ li qed iwassal il-Partit Laburista f’din il-kampanja elettorali permezz tat-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’.
Hawn il-Prim Ministru tenna kif il-Partit Laburista mhux biss qed isostni dan bil-kliem, imma qed juri dan bl-azzjoni, hekk kif f’dawn l-aħħar ġimgħat u xhur ħejja numru ta’ attivitajiet fost in-nies biex jinċentiva l-parteċipazzjoni u l-kontribut tan-nies favur pajjiż aħjar.
Tenna kif dan se jkompli proprju wkoll fil-jiem li ġejjin anke b’Kabinett fost in-nies, bħala parti minn sensiela ta’ kabinetti li ħarġu ’l barra mill-Berġa ta’ Kastilja.
“Aħna fhimna li rridu nagħtu s-saħħa lin-nies. Xi tfisser li tagħti s-saħħa lin-nies? Mhux biss li tismagħhom, li tismgħahom huwa importanti għax huwa meta tisma’ li tista’ tieħu l-ideat tan-nies, imma mbagħad dak li jiġu n-nies tgħassru u mbagħad tista’ titrasformah f’policies f’inizjattivi, bidliet leġiżlattivi għat-titjib ta’ dan il-pajjiż.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru ġie mistoqsi wkoll dwar il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, li involviet kelliema b’esperjenza, iżda anke b’elementi ġodda kollha flimkien.
Hawn Dr Abela tenna kif fil-fatt, il-Partit Laburista ħa jibqa’ l-partit li jilqa’ lil kulħadd.
“Tara kif dan il-partit li jilqa’ lil kulħadd, minn etajiet differenti, minn backgrounds differenti, fehmiet differenti, jista’ jkollok fehmiet differenti u naf min iħaddan fehmiet kuntrastanti fuq suġġetti differenti, imma f’dan il-partit isibu darhom u kulħadd jista’ jitkellem u kulħadd jista’ jesprimi l-fehmiet tiegħu.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Sadanittant, tul l-intervista, il-Prim Ministru kompla jsostni l-importanza tat-tkattir tal-ġid minn ekonomija b’saħħitha f’pajjiżna.
Dwar l-Ewropa u l-istituzzjonijiet Ewropej, il-Prim Ministru sostna li jixtieq Ewropa ta’ paċi u li tindirizza r-realtajiet tan-nies.
Dan anke fid-dawl tal-isfidi u l-konflitti eżistenti li qed jikkaratterizzaw x-xena internazzjonali.
Fost oħrajn, il-Prim Ministru semma kif hu jinnegozja dwar ir-realtajiet tas-suq waħdieni u kif jolqot lil pajjiżna, it-trasport u l-aċċessibiltà tal-merkanzija, l-agrikoltura u s-settur tas-sajd, fost oħrajn.
“Dak kollu li jiġri Brussell jimpattana ta’ kuljum, fil-ħajja ta’ kuljum u dik li nixtieq li l-poplu jifhem, jiġifieri bid-deċizjonijiet tat-8 ta’ Ġunju se jimpattaw il-ħajja tagħna ta’ kuljum, kollox jimpattaw. Jiġifieri ħa nagħti eżempju wieħed, mela m’hemmx realta Ewropea, li qed tgħidilna li ma tibqgħux tissussidjaw il-prezzijiet tal-enerġija, tibqgħux tissussidjaw il-fuels, mela m’hemmx, mela m’hemmx dak il-kurrent. Kieku jien immur Brussell u ngħid li l-interess tiegħi hi l-karriera personali, immur ngħid iva għal kollox. Min se jbati l-poplu u n-negozji tagħna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela ġie mistoqsi wkoll dwar il-jum tal-votazzjoni hekk kif dan jaqa’ fi tmiem il-ġimgħa mġebbed. Dwar dan il-Prim Ministru sostna kif id-deċiżjonijiet u l-ħidma favur pajjiż dejjem aħjar, ma jafux jiem ta’ vaganzi.
Fi tmiem l-intervista tiegħu, Dr Abela ġie mistoqsi wkoll dwar il-jum tal-Ewwel ta’ Mejju.
Tenna li l-enfasi trid tkun fuq il-ħaddiem, hekk kif dan hu fiċ-ċentru tal-prijorità ta’ dan il-Gvern u Partit. Dan anke fid-dawl tat-talent tal-ħaddiem Malti li, flimkien mal-inċentivi li qed joffri l-Gvern, qed jieħu opportunitajiet mill-aqwa f’suq tax-xogħol mill-aktar wiesgħa.
“Nhar l-Erbgħa nemmen li ħa niċċelebraw il-festa li tant hi għażiża għalina u għalhekk li Jum il-Ħaddiem ċertament jum sabiħ għal kull wieħed u waħda minnha u nara lil kulħadd il-Belt ħalli niċċelebraw verament bis-sinsla u l-pedamenti ta’ dan il-pajjiż.”
Il-Prim Ministru Robert Abela