Inġiniera u tekniċi tal-Enemalta, bil-lejl u anke matul il-ġurnata, għamlu xogħlijiet b’urġenza biex isewwu ħsarat tekniċi li ġew ikkawżati minħabba l-maltemp qawwi li ħakem il-gżejjer Maltin fl-aħħar sigħat.
Pajjiżna bħalissa jinsab milqut mill-maltempata Helios. Mis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu, riħ qawwi ħafna mill-Lvant affettwa lill-gżejjer Maltin, b’buffuri li laħqu l-45 mil nawtiku fis-siegħa.
Dan l-istazzjon qatta’ l-ġurnata ta’ lejliet in-Nawfraġju ta’ San Pawl mal-Enemalta, u segwejna l-ħidma ma taqta’ xejn mill-ħaddiema ta’ din il-kumpanija biex imorru minn raħal għall-ieħor biex jkunu jistgħu jsolvu dawn il-problemi tekkniċi.
Charles Demanuele, li ilu jaħdem mal-Enemalta għal bosta snin u li mhux l-ewwel darba li kellu jaħdem f’xita qliel, spjega li anke f’ġurnata ta’ maltemp qawwi bħal tal-lum, il-ħaddiema tal-Enemalta jibqgħu jassistu għexieren ta’ klijenti li ma jkollhomx provvista tal-elettriku minħabba ħsarat ikkawżati bil-maltemp.
Demanuele spjega li dawn huma, “Affarjiet normali ħafna, xogħol normali għalina. Trid toqgħod moħħok hemm fuq ix-xogħol, għax qed taħdem fuq il-kurrent. Mhux se toqgħod titfi kull ħsara, għax inkella ma tieqaf qatt – taħdem fuq il-kurrent. Xogħol li nagħmluh kuljum, li hemm differenti huwa li hemm ix-xita. Trid toqgħod attent minħabba saħħtek u saħħet ħaddieħor”.
Alistair Camilleri, li huwa l-Maniġer tad-Diviżjoni għad-Distribuzzjoni, spjega li l-Enemalta rċeviet aktar minn 80 ilment minħabba li kien hemm ħsarat ikkawżat bil-maltemp u anke minħabba ż-żieda fid-domanda għall-provvista tal-elettriku.
Huwa spjega li b’allokazzjoni miżjuda ta’ ħaddiema, l-korperazzjoni qed tagħmel l-almu tagħha biex fl-iqsar ħin possibbli, isir t-tiswijiet f’kundizzjonijiet tat-temp vera diffiċli.
Min-naħa tiegħu Camilleri spjega li, “Dan it-temp, kemm ix-xita, ir-riħ li mhux favorevoli ħafna għall-infrastruttura tagħna, li l-biċċa l-kbira tagħha hija fuq barra, u dan jiġġenera u jikkawża diversi ħsarat. Għadna timijiet li jaħdmu 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. Ikomplu jaħdmu biex jipprovdu servizz lill-klijenti. Biex insemmu biss li, fi żmien 24 siegħa, it-timijiet tagħna attendew aktar minn 80 każ.”