Il-pożizzjoni ta’ Malta bħala ġurisdizzjoni finanzjarja internazzjonali kienet fiċ-ċentru ta’ avveniment ta’ netwerking li sar fl-aħħar jiem f’Londra. L-avveniment kien maħsub mill-Kunsill Konsultattiv tas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSAC) u organizzat minn FinanceMalta bl-appoġġ tas-settur privat fejn attendew aktar minn 600 delegat internazzjonali.
Id-delegati ġew indirizzati minn Lord Marland, Chairman tal-Commonwealth Enterprise & Investment Council (CWEIC); iċ-Chairman ta’ FinanceMalta George Vella; Joseph Zammit Tabona, Chairman tal-MFSAC; u Dr Emanuel Mallia, Kummissarju Għoli ta’ Malta għar-Renju Unit u l-Irlanda ta’ Fuq.
Dan l-avveniment importanti kien iffokat kollu kemm hu fuq is-settur tas-servizzi finanzjarji ta’ Malta u kien immirat li jrawwem it-tkabbir u jiġbed l-investiment barrani, f’konformità mal-isforz bla waqfien ta’ FinanceMalta biex ittejjeb il-konnessjonijiet globali u tippromwovi r-rwol ta’ Malta fix-xenarju finanzjarju internazzjonali.
Iċ-Chairman ta’ FinanceMalta George Vella tenna li “din is-sena kienet ikkaratterizzata minn sensiela ta’ inizjattivi intensivi ta’ netwerking u internazzjonalizzazzjoni proattiva, b’wieħed mill-iktar importanti u ta’ impatt kien dan l-avveniment fis-City of London. Hi l-intenzjoni tagħna li nżommu l-momentum attwali b’numru ta’ inizjattivi lokali u internazzjonali, li wħud minnhom diġà huma mħejjija għall-2024.”
L-avveniment isegwi l-parteċipazzjoni attiva ta’ FinanceMalta f’żewġ avvenimenti oħrajn fuq livell internazzjonali f’Novembru, li rispettivament indirizzaw oqsma ċentrali fl-industrija tas-servizzi finanzjarji – il-fintech u l-assigurazzjoni.
Il-Fondazzjoni kienet preżenti għall-European Captive Forum 2023 fit-8 u d-9 ta’ Novembru flimkien ma’ ħamsa mill-membri tagħha. FinanceMalta ħadet sehem ukoll f’delegazzjoni ta’ stakeholders Maltin li ipparteċipaw fil-Web Summit f’Lisbona fit-13-15 ta’ Novembru.
Fl-aħħar xahar tas-sena, FinanceMalta ppjanat żewġ avvenimenti oħra u se tkun qed tagħlaq l-2023 bis-seba’ edizzjoni tal-Annual Private Wealth Switzerland Zürich Forum fis-7 ta’ Diċembru u l-EU Roundtable of Financial Centres, li tagħha FinanceMalta hi membru, fil-15 ta’ Diċembru f’Pariġi.