Fi New York, Malta, flimkien ma’ rappreżentanti ta’ diversi pajjiżi oħra tal-Punent, ilbieraħ (l-Erbgħa) ħarġet ’il barra minn laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ppreseduta mir-Russja.
Din is-sena u s-sena d-dieħla, Malta qed isservi bħala membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà, li għal dan ix-xahar qed tippresedih ir-Russja, membru permanenti fl-istess Kunsill.
Kelliem għall-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ qal lil One News li l-Presidenza Russa tal-Kunsill tas-Sigurtà organizzat laqgħa dwar l-evakwazzjoni tat-tfal miż-żona ta’kunflitt fl-Ukrajna.
Il-Ministeru spjega li, biex taġġorna lill-Kunsill dwar dan, ir-Russja stiednet lilll-Kummissarju tal-Presidenza Russa għad-Drittijiet tat-Tfal, Maria Lvova-Belova, li tpoġġiet taħt att ta’ akkuża mill-Qorti Kriminali Internazzjonali għall-allegata responsabbiltà kriminali tad-deportazzjoni illegali u t-trasferiment ta’ tfal Ukreni minn inħawi okkupati fl-Ukrajna lejn ir-Russja. Barra minn hekk, ir-Russja stiednet ukoll biex jitkellmu żewġ uffiċjali mill-hekk imejħa ‘Repubblika tal-Poplu tad-Donetsk’.
Quddiem din is-sitwazzjoni, ir-rappreżentanti ta’ Malta, flimkien ma’ dawk tal-Istati Uniti, tar-Renju Unit, u tal-Albanija, telqu ’l barra mis-sala bi protesta waqt li kienu qed jitkellmu dawn l-individwi.
Il-Ministeru qal li Malta qieset l-għażla tal-kelliema tar-Russja bħala affront lejn il-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà u lejn il-komunità internazzjonali, u sinjal ieħor ċar tal-istmerrija tar-Russja lejn in-Nazzjonijiet Uniti.
Il-Ministeru qal ukoll li l-preżenza ta’ Malta u membri oħra li jaħsbuha bħalha fil-Kunsill tas-Sigurtà waqt il-laqgħa kienet purament biex teħodha kontra d-diżinformazzjoni Russa.