Il-bank FIMBank ġie ordnat iħallas kumpens lil uffiċjal tas-sigurtà li waqa’ u weġġa’ f’sit tal-kostruzzjoni tal-bank f’San Ġiljan.
Il-Qorti semgħet kif seba’ snin ilu, Charlot Spiteri Magri, dak iż-żmien ta’ 32 sena, kien impjegat f’sit ta’ kostruzzjoni tal-bank, fejn kien hemm ħafna ġebel jiġri mal-art, u anki ħofra ta’ madwar żewġ sulari fond mgħottija biss b’injama rqiqa. Huwa qal li ħin minnhom tfixkel fit-terrapien u waqa’, b’konsegwenza li weġġa’ spalltu.
L-espert mediku tal-Qorti qal li minkejja l-kura, l-ispalla tal-uffiċjal baqgħet tuġgħu u ma jistax jerfa’ fuqha. L-espert kkonkluda li l-uffiċjal sofra diżabbilità permanenti ta’ 4%.
Il-bank qal li ma kellux jinżamm responsabbli, għaliex kien qabbad kumpanija apposta biex tieħu ħsieb is-saħħa u s-sigurtà fuq is-sit tal-kostruzzjoni.
Il-Qorti qalet li l-fatt li Spiteri Magri kien impjegat minn kumpanija sussidjarja ta’ FIMBank ma jilliberax lill-bank mir-responsabbilità.
Il-Qorti nnutat ukoll li ma kinitx saret evalwazzjoni tar-riskju fil-post fejn intbagħat jaħdem Spiteri Magri, u li l-art kienet tranġat biss wara li seħħ l-inċident.
Għaldaqstant il-Qorti ordnat lil FIMBank iħallas lil Spiteri Magri kumpens ta’ €14,052.